Fl-aħħar żewġ baġits daħlu l-iskemi tal-In-Work Benefit biex filwaqt li jissupplimentaw id-dħul baxx, jinċentivaw lill-kapijiet ta’ familji bi tfal biex jaħdmu permezz ta’ benefiċċju li jlaħħaq l-€1,000 għal kull wild. Għal din is-sena, l-iskema ġiet estiża għal koppji bi tfal fejn membru wieħed biss għandu xogħol.
F’dan il-baġit ikomplu jissaħħu u jitjiebu l-benefiċċju taż-żewġ skemi.
Se jkunu estiżi is-ceilings rispettivi taż-żewġ skemi. Barra minn hekk, se jgħolew r-rati tal-In-Work Benefit għal kull wild taħt it-23 sena.
Għal koppji li jaħdmu it-tnejn, din se tfisser żieda ta’ €200 fis-sena skont id-dħul u b’hekk il-benefiċċju issa ser jogħla minn €1,000 għal €1,200.
Għas-single parents li jaħdmu, ir-rati se jogħlew b’€50 fis-sena għal €1,250, filwaqt li għal koppji fejn wieħed biss jaħdem, ir-rati se jogħlew minn €150 sa massimu ta’ €350 fis-sena skont id-dħul. B’hekk ser inkunu qed nolqtu 3,000 familja bi dħul baxx jew medju li se jiżdiedulhom il-flus fil-but.
Żieda fl-Għajnuna Supplimentari
Matul is-sena d-dieħla ssir riforma importanti fl-Għajnuna Supplimentari li titħallas lill-ħaddiema miżżewġin bi dħul baxx, inkluż bil-Paga Minima, imma li m’għandhomx tfal taħt is-16- il sena u ma jieħdux Children’s Allowance.
B’din ir-riforma jgħola is-ceiling preżenti tal-Għajnuna Supplimentari għall-miżżewġin minn €11,089 għal €13,000. Iżda mhux se jkunu biss il-miżżewġin li se jgawdu minn dan it-tibdil. Persuni single li jgħixu għal rashom, jaħdmu, u għandhom dħul nett ta’ anqas minn €9,012, kif ukoll persuni single oħra, li jaħdmu u għandhom il-Paga Minima u m’għandhomx dħul nett li jaqbeż €9,012, se jibbenefikaw minn żieda ta’ €126.36 fis-sena.
Minn din ir-riforma se jkunu qed igawdu mal-11,000 koppja u 5,000 persuna single, li jahdmu, total ta’ 27,000 persuna.
Permezz ta’ dawn ir-riformi, u meta wieħed jieħu in konsiderazzjoni l-COLA, kull min qiegħed bil-Minimum Wage se jiżdied mill-inqas b’€4 fil-ġimgħa, jew €208 fis-sena. Din iż-żieda se jerfagħha kollha l-Gvern.