Is-sajjieda li ġarrbu ħsarat fil-bastimenti u d-dgħajjes tagħhom fil-maltempata ta’ Frar tas-sena l-oħra ser ikunu qed jirċievu l-ħlas għad-danni sofferti kollha. Dan permezz ta’ skema b’madwar miljun ewro mill-fondi lokali.
Id-direttur ġenerali tad-dipartiment tas-sajd, Bjorn Callus spjega li kull sajjied li għandu bastimenti rreġistrati MFA jew MFB ser ikun qed jirċievi applikazzjoni d-dar għal kull dgħajsa.
Callus stqarr, “Jista’ jċempel lid-dipartiment f’każ ta’ bżonn t’għajnuna u informazzjoni biex timtela’ din l-applikazzjoni forsi anke ħabba xi formolarji u dokumenti li jridu jiġu mhemużin mal-applikazzjoni imbgħad għandha tiġi sottomessa wkoll fl-uffiċini tagħna ġewwa Malta li għandna mxerrdin f’diversi postijiet u kif ukoll ġewwa l-Imġarr Għawdex.”
L-applikazzjonijiet ser ikunu jistgħu jiġu sottometti mad-dipartiment min-nhar it-Tnejn 20 ta’ Lulju sal-Ġimgħa 7 ta’ Awwissu.
Il-Ministru għall- Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo stqarr li s-sajjieda ser ikunu qed jingħataw l-ekwivalenti għall-ispiża kollha tad-danni li ġarrbu.
Il-Ministru Refalo sostna, “Din ser tkun ‘one hundred percent’ l-għajnuna fis-sens illi jekk is-sajjied sofra tant ewros, aħna sejrin nirrifondu lis-sajjied l-ammont ta’ ħsara illi jkun ġarrab.”
Il-Ministru Refalo temm jgħid li din l-għajnuna turi l-impenn tal-Gvern li jkompli jkun ta’ sostenn għall-ħaddiema li jaqilgħu l-għixien tagħhom mill-baħar.