Riċerkaturi fid-Dipartiment tal-Farmakoloġija Klinika u Terapewtika fl-Università ta’ Malta qed jistudjaw u jiżviluppaw terapija ġdida għall-kanċer fil-pulmun. Dan qed isir b’finanzjament ta’ mitejn elf ewro grazzi għall-Programm għall-Iżvilupp Teknoloġiku.
Il-proġett LCeNT qed jiġi kkordinat mir-riċerkatriċi Vanessa Petroni Magri, u jaf ikun iżjed effettiv f’konċentrazzjonijiet ta’ mediċini aktar siguri u b’hekk jagħti inqas effetti negattivi minn trattamenti disponibbli bħalissa.
Petroni Magri spjegat, “Huwa frekwenti ħafna fl-irġiel Maltin u r-raba’ l-aktar frekwenti fin-nisa. Qed naraw trattament ta’ tliet mediċini magħquda flimkien u din mhux qed tiġi studjata f’pajjiżi oħra. Qed issir l-ewwel darba fl-Università ta’ Malta.“
Waqt żjara li għamel fuq il-proġett il-Minsitru għar-Riċerka Owen Bonnici ġie spjegat lilu ukoll għalfejn jaf ikun ta’ benefiċċju li jkunu inklużi t-tliet mediċini differenti fit-trattament, kif spjegat f’kumment, Petroni Magri.
Petroni Magri stqarr, “Nistudjaw it-tlieta f’daqqa billi nnaqsu d-doża ta’ kull wieħed minnhom għaliex meta jaħdmu flimkien ikunu aktar effettivi minn mediċina waħda biss. Jekk nagħtu mediċina waħda biss id-doża tkun ferm aktar għolja.”
It-tim ta’ riċerka hu magħmul minn diversi studenti li ggradwaw kemm b’baċċellerat u kemm f’livell maġisteru, li lkoll qed jiġu kkordinati min Dr Petroni Magri u l-Professur Anthony Fenech. Fl-istess ħin qed issir kollaborazzjoni wkoll mal-Isptar Mater Dei grazzi għas-sehem tal-Professur Joseph Galea, kif ukoll maċ-Ċentru tar-Riċerka dwar il-Kanċer f’Marsilja fi Franza.
Il-Ministru Owen Bonnici fisser ukoll l-impenn tal-Gvern li proġetti bħal dawn jiġu mgħejjuna.
Il-Ministru Bonnici rrimarka, “Aħna naturalment se nkomplu nappoġġjaw it-talent ta’ dawn ir-riċerkaturi Maltin għax nemmnu li dan hu l-futur anke fil-qasam tar-riċerka f’pajjiżna.”
L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa rreġistrat 10 miljun mewta bil-kanċer matul l-2020, b’1.8 miljun persuna jispiċċaw vittma tal-kanċer tal-pulmun. F’Malta, dan it-tip ta’ kanċer kien il-kawża l-aktar komuni tal-mewt bil-kanċer lura fl-2016.