Fil-parroċċa ta’ Ħal Tarxien se tibda tingħata għajnuna professjonali u emozzjonali lill-ommijiet li għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli waqt it-tqala, flimkien mal-missirijiet.
Il-ġenituri se jingħataw l-għajnuna meħtieġa permezz t’appoġġ emozzjonali, kura pastorali, counselling u provvista t’oġġetti għal qabel u wara t-twelid tat-tarbija.
Dan is-servizz bl-isem ta’ GIFT, se jingħata mill-parroċċa ta’ Ħal Tarxien minn ġewwa Dar Nazaret, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjonijiet tal-LifeNetwork u St Jeanne Antide, u Caritas Malta.
L-Arċipriet tal-parroċċa qal li l-proġett twieled minn suġġeriment waqt il-paniġierku tal-festa tal-Lunzjata biex il-parroċċa ta’ Ħal Tarxien tkun santwarju tal-ħajja umana sa mill-ewwel mument tat-tnissil.
Huwa ta eżempju tanġibbli ta’ esperjenza li ltaqa’ magħha fl-aħħar jiem.
Qal, “Ftit tal-jiem ilu, mara b’żewġt itfal, tifel minnhom b’diżabilità, kienet f’relazzjoni, intemmet u bdiet relazzjoni oħra u nqabdet tqila bit-tielet tarbija u l-partner tagħha qalilha nikkunsidraw li ntemmu l-ħajja ta’ din it-tarbija. Din il-mara ddeċidiet li tkompli t-tqala, hu telaq imma hi kompliet din it-tqala.”
Dr Miriam Sciberras, mill-Fondazzjoni LifeNetwork qalet li l-Knisja għandha tkun il-post fejn kull ħajja tiġi ċċelebrata mingħajr ebda ġudizzju.
Qal, “Aħna bħala Fondazzjoni nipprovdu kull sapport għal dawn l-inizjattivi jiġifieri fejn jidħol counselling, fejn tidħol għajnuna lin-nisa u anki lesti li nduru l-parroċċi nagħtu s-sapport tagħna anki permezz tal-counsellor tagħna.”
Nora Macelli, mill-Fondazzjoni St Jeanne Antide, qalet li l-għajnuna f’waqtha ssalva l-ħajjiet u toffri t-tama biex persuna tħares ’il quddiem b’kuraġġ u b’dinjità.
Spjegat, “Aħna niffukaw fuq ħtiġijiet ta’ individwi u familji li għandhom bżonn problemi kumplessi u fit-tul li jieħdu s-snin u tul is-snin rajna ħafna persuni li jkunu f’sitwazzjoni fejn minħabba n-nuqqas t’għajnuna, jagħmlu deċiżjonijiet li wara jiddispjaċihom.”
L-Arċisqof Charles Scicluna qal li dan is-servizz huwa sinjal ieħor tal-għajnuna li tagħti l-Knisja lil min ikun għaddej fi żmien diffiċli.
Qal, “Irridu nirrispettaw il-libertà ta’ dak li jkun u l-mixja trid tkun flimkien. Ħafna drabi l-bniedem iħossu waħdu quddiem sitwazzjoni li mhix dejjem tkun faċli u kkumplikata. Dan huwa sinjal li aħna qegħdin nagħmlu xibka ta’ għożża u wens għal xulxin.”
Fil-futur qrib, dan is-servizz se jkun estiż b’counselling pastorali u servizz spiritwali mid-dar parrokkjali u bil-ftuħ ta’ kappella tal-adorazzjoni li tkun miftuħa erbgħa u għoxrin siegħa kuljum.