Tnediet mill-ġdid l-iskema ‘Civil Society Fund’, li se sservi ta’ għajnuna lill-għaqdiet volontarji f’pajjiżna, fosthom f’kollaborazzjoni ma’ għaqdiet barranin, inkluż sħubija f’assoċjazzjonijiet jew taħriġ fuq dimensjoni Ewropea, fost oħrajn.
Il-fond tnieda mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarjat, flimkien mal-Ministru għall-Inkużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli. It-tnedija saret għand l-għaqda JA Malta, li taħdem id f’id maż-żgħażagħ billi tipprovdi esperjenzi prattiċi fid-dinja tax-xogħol.
Fi żjara lil din l-NGO, il-Ministru Farrugia Portelli ddiskutiet numru ta’ proġetti li JA Malta implimentat fis-snin li għaddew, inkluż permezz ta’ dan il-fond.
Is-‘Civil Society Fund’ se jkun qed joffri għajnuna finanzjarja lil dawk l-għaqdiet volontarji rreġistrati bil-baġit totali ta’ din is-sena hu ta’ mija u ħamsin elf ewro (€150,000).
Kull applikazzjoni sottomessa tista’ tiggwadanja sa massimu ta’ €6,000, li jkopru sa tmenin fil-mija tal-ispejjeż eliġibbli.
Il-Ministru Farrugia Portelli saħqet dwar l-importanza li l-għaqdiet volontarji jkollhom vuċi kemm lokalment, iżda anke lil hinn minn xtutna.
“Dan il-fond hu ta’ pjattaforma interessanti, għax tagħti l-opportunità lil għaqdiet f’pajjiżna jkollhom rappreżentanza internazzjonali u Ewropea. Ħadt gost nara grupp ta’ żgħażagħ minn JA Malta Foundation, li dawn l-fondi tawhom l-opportunità li jkomplu jimirħu lil hinn minn xtutna”.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għas-Settur Volontarjat, Mauro Pace Parascandolo, tkellem dwar ir-rwol importanti li jservu dawn l-għaqdiet.
“Civil Society Fund fetħet, għal darb’oħra, fis-17 ta’ Lulju, li b’tali mod li l-għaqdiet kollha rreġistrati mal-kummissjoni tal-volontarjat ikunu jistgħu japplikaw kemm biex jattendu attivitajiet u konferenzi barra minn Malta kif ukoll biex ngħinuhom iħallsu fees ta’ affiljazzjoni ma’ entitajiet fuq livell Ewropew u internazzjonali. Għalhekk inħeġġu l-għaqdiet biex javviċinawna ħalli nkunu nistgħu niggwidawhom b’dan il-mod”.
Kull għaqda volontarja tista’ tapplika billi tidħol fis-sit vofunding.org.mt u l-applikazzjonijiet se jkunu miftuħin bejn is-17 ta’ Lulju u t-28 ta’ Awwissu.
Se ssir ukoll laqgħa ta’ informazzjoni l-Erbgħa 31 ta’ Lulju biex jgħinu lil dawk l-applikanti matul il-proċess tas-sottomissjoni.