Bħala parti mill-programm Ewropew, li fih jarahom jibbenefikaw minn diversi fondi fil-ħidma tagħhom ta’ kuljum, is-sajjieda Maltin issa se jkunu jistgħu japplikaw għal għajnuna finanzjarja biex itejbu l-kundizzjonijiet fuq il-laneċ tagħhom.
Waqt konferenza fil-Mużew tat-Tunnara, fil-Mellieħa, giet tnedija l-iskema Investimenti Abbord Bastimenti tas-Sajd, ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea.
Id-Direttur Ġenerali għall-Fondi Ewropej, l-Inġinier Anthony Camilleri, spjega li din hi l-ewwel sejħa fil-programm li jinkorpora, fost l-oħrajn, għajnuna lil proġetti kontra t-tniġġis, ġbir ta’ dejta, kontroll u salvagwardjar ta’ speċi marittimi, kif ukoll dawk ta’ tisħiħ tal-portijiet u taħriġ lis-sajjieda u dawk kollha li jaħdmu fis-settur.
L-applikazzjonijiet se jkunu miftuħa sa Settembru tas-sena d-dieħla, bis-sajjieda jistgħu wkoll jibbenefikaw minn konsulenza u għajnuna meħtieġa.
Rodrick Zerafa, Kap Eżekuttiv tas-Servizzi Ewropej f’Malta, is-SEM, qal kif qed joffru dawn is-servizzi bla ħlas għal dawk is-sajjieda li jixtiequ japplikaw fl-iskema. Qal kif se jgħinu wkoll fl-implimentazzjoni tal-applikazzjonijiet, biex b’hekk dawk interessati jkollhom l-aħjar servizz possibli, kemm qabel japplikaw u anke wara.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akkwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, irrimarkat kif dan l-investiment hu mmirat ukoll għall-ambjent, fejn is-sajjieda issa jistgħu jixtru apparat selettiv u b’teknoloġija moderna.
“Din is-sejħa ta’ fondi Ewropej għall-investiment abbord id-dgħajjes tas-sajjieda hu propju biex ngħinu lis-sajjieda jtaffu ftit mill-ispejjeż tagħhom fejn jidħlu investimenti. Hawnhekk qed insejħu lis-sajjieda biex jagħmlu diversi tipi ta’ investimenti fil-gabini, fl-iskrejjen tad-dgħajjes u anke jagħmlu magni tas-silġ fuq id-dgħajjes tagħhom biex anke jkunu jistgħu jżidu l-valur u l-kwalità tal-prodott tagħhom u affarijiet oħrajn li proprju jistgħu jinvestu fihom.”
Alicia Buġeja Said, Segretarju Parlamentari

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, spjega kif l-Unjoni Ewropea trid tiżgura li ċ-ċittadini jkollhom moħħhom mistrieħ mill-aċċess għal ikel tal-baħar ta’ kwalità u bi prezz ragonevoli, fejn dan jista’ jseħħ billi l-industrija tas-sajd tkun kompettitiva.
“Din hi waħda minn ħafna sejħiet oħra li biha aħna qegħdin intejbu l-kwalità. Qegħdin nagħtu value added lill-prodott tas-sajjieda Maltin u Għawdxin. Hi bbażata prinċipalment fuq erba’ prinċipji ġenerali; qed intejbu l-kundizzjonijiet tas-sajjieda u min jaħdem fuq il-bastimenti, qed innaqqsu l-emissjoniiet tas-CO2, intejbu l-prodott u nagħtu valur miżjud li hu importanti għall-konsumatur u, fl-aħħar mill-aħħar, naqbdu ħut u ma jkunx hemm l-overfishing.”
Il-Ministru, Anton Refalo
Tħabbar li se jiġu organizzati diversi laqgħat tekniċi biex dawk interessati jiksbu l-informazzjoni meħtieġa. Dawn se jsiru f’Marsaxlokk fis-7 t’April fl-4:00 ta’ waranofsinhar, f’Għawdex fid-9 t’April fl-10:00 ta’ filgħodu u f’San Pawl il-Baħar fl-14 t’April fl-4:00 ta’ waranofsinhar.