Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qassmet aktar minn €17,000 f’għajnuna finanzjarja lir-residenti tal-housing estate ta’ Taċ-Ċawla.
Ir-residenti rċevew l-għajnuna permezz ta’ ċekkijiet li ġew preżentati mill-Ministru għal Għawdex u li ġew iġġenerati mill-kreditu akkumulat mill-panelli li jinsabu fuq is-soqfa ta’ 15-il blokka tal-appartamenti u li kienu ġew installati mill-Minsiteru għal Għawdex. F’laqgħa fil-misraħ ta’ Taċ-Ċawla, il-Ministru Justyne Caruana preżentat din l-għotja finanzjarja lill-120 resident. Il-Ministru Caruana qalet li x-xogħol fuq blokka ġdida li tirrispetta l-ambjent hu mistenni li jibda s-sena d-dieħla u flimkien mal-blokka, ser tiġi ġġenerata ż-żona tal-madwar.
Il-Ministru għal Għawdex qalet li l-Minsiteru għaddej b’ħidma biex jiġu installati iktar panelli fuq binjiet pubbliċi u semmiet il-proġett tar-retrofitting tal-Ministeru għal Għawdex kif ukoll proġett ieħor li huwa tax-SHERPA, fejn ukoll ġew identifikati binjiet pubbliċi biex jiġu trasformati f’binijiet effiċjenti fl-enerġija biex ikunu ta’ eżempju u mudell għal proġetti oħrajn inklużi dawk tal-privat.
Fil-housing estate taċ-Ċawla b’kollox twaħħlu 231 panelli bi struttura metallika u mifruxa fuq 15-il blokka ta’ appartamenti. Il-panelli jiġġeneraw sa massimu ta’ 69.3 kW.
Ritratti: MGOZ