Fil-jum internazzjonali ddedikat għall-isports biex jgħin fl-iżvilupp u fil-paċi, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana ħabbret skema ġdida li tassisti lill-isportivi Għawdxin.
Il-Ministru Caruana qalet li permezz tal-iskema l-ġdida li qed tiġi varata, se tiġi attwata wegħda elettorali oħra. Permezz tal-iskema, atleti u sportivi Għawdxin li mhux qed igawdu minn kuntratt professjonali fid-dixxiplina sportiva li jipprattikaw, se jingħataw għajnuna finanzjarja li tnaqqas mill-ispejjeż li jagħmlu biex jivvjaġġaw bejn Malta u Għawdex minħabba taħriġ u kompetizzjonijiet.Il-Ministru Justyne Caruana qalet li l-għajnuna finanzjarja, li tista’ tkun sa massimu ta’ €500 fis-sena lil kull atleta, se tnaqqas il-piż tal-ispejjeż involuti biex l-atleta jivvjaġġa lejn Malta għat-taħriġ. B’hekk inkunu qed ninkoraġġixxu lill-atleti tagħna biex ikomplu jitħarrġu u jtejbu l-ħiliet tagħhom.
Għal darba oħra u b’mod konkret, il-Ministeru qed juri kemm hu kommess li jippromwovi u jinkoraġġixxi l-ispirtu sportiv fil-gżira Għawdxija speċjalment fost iż-żgħażagħ u t-tfal li qed ifittxu dixxiplini sportivi diversi minn dawk li tradizzjonalment imdorrijin bihom.
Il-Ministru Caruana wegħdet l-impenn tagħha li tkattar l-element sportiv f’Għawdex permezz ta’ inizjattivi u ta’ proġetti kapitali mmirati li jtejbu l-faċilitajiet sportivi eżistenti u oħrajn ġodda.
Sean Daly, iċ-Chairman tal-Gozo Sport Board, faħħar l-inizjattiva u inkoraġġixxa aktar sportivi Għawdxin biex jaħtfu l-opportunità u jitħarrġu Malta għax permezz ta’ din l-iskema se jsibu sostenn.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit https://mgoz.gov.mt