Wara li fl-aħħar żmien, il-Gvern introduċa proġett pilota ta’ ‘Continuous Glucose Monitor’ għal persuni li jbatu mill-kundizzjoni tad-Dijabete tat-Tip 1 sa 16-il sena u l-iskema baqgħet tiġi estiża gradwalment għal faxex oħrajn fis-soċjetà, issa tħabbar li dan l-investiment qed jiġi estiż għal pazjenti li għandhom sa 25 sena u ’l quddiem mistennija jgawdu etajiet oħrajn.
F’konferenza mill-Ministeru għas-Saħħa tħabbar li pajjiżna għandu rata għolja ta’ persuni li jbatu mid-dijabete. L-aktar komuni dik tat-Tip 2, li tiġi kkurata b’sempliċi pilloli. Minkejja dan, min ibati mid-Dijabete tat-Tip 1, li ħafna drabi jibda mit-twelid jew sa minn meta jkun tfal, ikunu jeħtieġu kura anke b’injezzjoni.
Jirriżulta li kull sena jfeġġu madwar 100 każ ġdid ta’ dawk li jkollhom Dijabete tat-Tip 1. Dijabete mhux ikkontrollata, speċjalment dik tat-Tip 1, ukoll twassal għal kumplikazzjonijiet tas-saħħa.
Sentejn ilu, il-Gvern investa fi proġett pilota fejn offra b’xejn il-prodott ‘Continuous Glucose Monitor’ biex persuni b’din il-kundizzjoni sa 16-il sena, ikunu jistgħu jiċċekkjaw kontinwament il-livell taz-zokkor fid-demm 24 siegħa kuljum, f’ħin reali.
Dan permezz ta’ app apposta anke fuq il-mobile li tagħti l-fakultà lill-pazjent jew qrabatu biex iżomm taħt osservazzjoni kontinwa l-livell taz-zokkor fid-demm.
Catherine Azzopardi, li tħarreġ lill-pazjenti kif jużaw dan l-apparat, tkellmet ma’ ONE News dwar il-benefiċċji tal-Continuous Glucose Monitors biex jittieħdu deċiżjonijiet fl-aħjar interess tal-persuna.
“Il-pazjent se jkun aktar empowered, għax qed jara eżatt x’qed jiġri. X’qed jiġri meta l-pazjent jiekol, kemm qed jitla’ z-zokkor, meta jieħu l-insulina, kemm qed jinżel, x’qed jiġri meta qed jagħmel l-eżerċizzju, waqt il-ħinijiet tal-iskola jew tax-xogħol, jekk il-pazjent għaddej minn perjodu ta’ mard jew stress. Inkunu nafu, kemm il-pazjent u kemm aħna, ħames minuti b’ħames minuti x’qed jiġri lejl u nhar.”
Tlabna lid-Deputat Prim Ministru Fearne biex jimraħ aktar fuq il-fatt li issa l-Gvern ħass il-ħtieġa li jgħolli l-età u se jkompliha jgħolliha gradwalment għal dawk bid-Dijabete tat-Tip 1.
“Aħna konna madwar sentejn ilu bħala proġett pilota nagħtu dawn il-monitors lil tfal u żgħażagħ sa 16-il sena, kienet suċċess, iż-żgħażagħ u l-ġenituri tagħhom rieduha li tkompli, komplejniha. Is-sena li għaddiet, l-ewwel għal 21 u mbagħad għal 23 sena u din is-sena żidniha għal 25 sena. Il-pjan tagħna hu li nkomplu nżidu b’mod inkrimentali, pass pass, l-etajiet ta’ min għandu Tip 1 biex fl-aħħar mill-aħħar kulħadd ikun jista’ jgawdi minn dan il-benefiċċju.”
Sadanittant fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, Mr Fearne ħabbar li mit-Tnejn 9 t’Ottubru persuni vulnerabbli, dawk ta’ ’l fuq minn 55 sena, dawk li jbatu minn mard kroniku u persuni li huma residenti f’istituzzjonijiet mediċi u nisa tqal, jistgħu jieħdu t-tilqima tal-influwenza u l-booster tal-COVID-19 bla ħlas u bla appuntament miċ-Ċentri tas-Saħħa.
Ġimgħa wara, jiġifieri mis-16 t’Ottubru ’l quddiem, kull min jixtieq li jieħu t-tilqima tal-influwenza jew il-booster tal-COVID-19, jista’ wkoll jagħmel dan.
It-tfal se jkunu jistgħu jieħdu prekawazzjoni kontra l-influwenza, f’dati li se jitħabbru ’l quddiem u li se jkunu qed jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa. Minflok il-vaċċin se jkunu qed jingħataw spray tal-imnieħer.