Lukandi żgħar li joperaw f’pajjiżna se jkollhom iċ-ċans li jibbenefikaw minn għajnuna biex isiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u tal-ilma.
Waqt żjara f’guesthouse fil-Gudja, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, ħabbret din l-inizjattiva ġdida tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma.
Din l-iskema, bl-isem ta’ GUEST, tiffoka fuq lukandi żgħar, boutique hotels, u guesthouses, li l-aġenzija se toffrilhom awditjar tal-enerġija u l-ilma u tagħti rakkomandazzjonijiet biex isiru aktar sostenibbli.
Wara dan, l-awditjar se tingħata assistenza teknika lil dawn il-lukandi żgħar, li ħafna drabi ma jkollhomx ħaddiema speċifiċi b’dawn il-kompetenzi minħabba ċ-ċokon tagħhom.
Amy Talbot, sid ta’ botique hotel, sostniet fuq l-importanza ta’ din l-iskema. Hija nnutat is-sostenn li sabet sabiex in-negozju tagħha jieħu sehem f’din l-iskema, li se twassal għal operat aktar sostenibbli u effiċjenti.
“L-iskema GUEST hija skema tajba ħafna, li qed jgħinna bħala owners ta’ boutique hotels u guesthouses sabiex inkunu aktar effiċjenti fl-użu tal-ilma u d-dawl.”
Hija rrimarkat kemm kien faċli biex applikat biex tieħu sehem fl-inizjattiva GUEST.
“Hija skema li faċli ħafna biex tapplika għaliha. Ma tinvolvi l-ebda investiment min-naħa tagħna u mbagħad it is up to you li tapplika dak li jissuġġerulek l-inġiniera wara li joħroġ l-audit report.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, Manuel Sapiano, qal li din l-iskema bla ħlas mhux biss qed tagħti pariri tekniċi lill-operaturi ta’ dawn il-lukandi żgħar, iżda qed taħdem ukoll biex gradwalment joħolqu bidla fil-kultura tal-viżitaturi li joqogħdu fihom. Huwa fakkar li dawn għandhom impatt sostanzjali fuq il-konsum tal-enerġija u l-ilma ta’ dawn in-negozji.
“L-inizjattiva GUEST se tindirizza l-konsum tal-enerġija u l-ilma fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni żgħar. Hija iniżjattiva interessanti minħabba li qed tgħin lil dawn l-istabbilimenti li jkunu aktar ambjentalment sostenibbli, kif ukoll inaqqsu l-operat tagħhom.”
Il-Ministru Miriam Dalli saħqet dwar l-importanza tas-sostenibbiltà f’dan is-settur, bħal f’kull qasam ieħor tal-ekonomija.