Waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri ddiskuta u qajjem punti importanti għas-settur agrikolu flimkien mal-Ministri Ewropej tal-Agrikoltura. L-għan ta’ din id-diskussjoni kien li jiġu evitati kriżijiet bħalma esperjenzajna riċentament. Fil-fatt, Clint Camilleri ġibed l-attenzjoni tal-Kunsill fuq in-nixfa li qed nesperjenzaw f’Malta għat-tieni darba fi tliet snin minħabba nuqqas ta’ xita, u r-riperkussjoni li qed iħossu l-iktar il-bdiewa Maltin u Għawdxin.
Clint Camilleri enfasizza li l-Politika Agrikola Komuni (magħrufa aħjar bħala PAK) futura għandha ssarraf f’simplifikazzjoni u f’iktar sussidjarjetà filwaqt li nħallu warajna l-approċċ ta’ soluzzjoni waħda għal kulħadd. Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li jekk vera rridu nitbiegħdu min dan l-approċċ, irridu naraw flessibbiltà fil-proposta tal-Kummissjoni. Din il-flessibbiltà hija importanti biex b’hekk kull stat membru jkun jista’ jiġġenera iktar valur miżjud u jnaqqas il-burokrazija. B’hekk, elabora Camilleri, l-agrikoltura tagħna tirriżulta f’valur miżjud ikbar kemm għall-ambjent kif ukoll għall-kompetittività tas-settur agrikolu.
Is-Segretarju Parlamentari stqarr li l-punt tat-tluq f’din id-diskussjoni għandu jkun li nagħtu l-assigurazzjoni lill-bdiewa tagħna li se jinżammu miżuri kruċjali li żiedu l-valur tal-PAK eżistenti bħal pagamenti ta’ appoġġ volontarju, l-għajnuna lill-bdiewa li joperaw f’żoni żvantaġġati, u l-flessibbiltà bejn il-pilastri. Dawn il-miżuri ġew imfassla bl-għan li jindirizzaw kwistjonijiet speċifiċi li jeżistu f’ ċerti stati membri u allura stqarr li huwa kruċjali li jkun hemm qbil minn issa li dawn jinżammu. Clint Camilleri insista li għandu jinżamm dak li qed jaħdem ħalli b’hekk ikompli jiżdied il-valur ta’ din il-politika u noffru ċertezza lill-bdiewa tagħna.
Huwa qal ukoll li rridu nidentifikaw dawk il-miżuri fejn hemm bżonn ta’ iktar flessibilità bħal per eżempju fejn jidħlu l-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Is-Segretarju Parlamentari tenna li dawn l-organizzazzjonijiet diffiċli jkunu implimentati b’suċċess f’ċertu Stati Membri, għalhekk għandu jkun possibbli li jiġu sostitwiti b’miżuri oħra aktar adattati għal dak is-settur partikolari.
Camilleri qal li dan għandu jkun il-punt ta’ tluq tagħna meta niġu biex nistabbilixxu dawn il-miri u għandna noqgħodu attenti li l-miri ambjentali li nistabbilixxu ma jservux biex jiskoraġġixxu lill-bdiewa minħabba li dan jista’ jwassal biex bdiewa jitilqu mis-settur għax ma jibqax iktar vijabbli. Is-Segretarju Parlamentari qal li din torbot ukoll mal-kwistjoni tal-indikaturi fejn huwa importanti li dawn ikunu realistiċi u adattati għax-xenarju lokali. Huwa qal li jemmen li minflok inżidu l-obbligi fuq il-bdiewa tagħna għandna nużaw din l-opportunità tar-riforma sabiex inkabbru s-servizz ta’ konsultazzjoni tal-bdiewa ħalli ngħinuhom jilħqu l-miri ambjentali u miri oħra b’mod effiċjenti.
Clint Camilleri tenna li jinsab imħasseb ukoll rigward il-piż amministrattiv li l-pjan strateġiku jista’ jġib miegħu, speċjalment għaċ-ċokon tagħna. Huwa importanti wkoll li l-approvazzjoni ta’ dan il-pjan ma tkunx tixbah dik tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali. Sostna li ma jixtieqx jara ripetizzjoni ta’ proċess twil li ssarraf f’dewmien b’riżultat li l-pagamenti lill-bdiewa ħarġu tard. Talab li l-Kummisjoni tagħti iktar informazzjoni mill-iktar fis possibbli ta’ kif se jaħdem dan il-proċess biex jiġu evitati inċertezzi u riperkussjonijiet lis-settur. Fl-aħħarnett, Camilleri saħaq fuq il-bżonn li waqt li qed infasslu din il-politika nirrevedu wkoll ir-regoli tal-għajnuna statali.