Matul ix-xahar ta’ April, Għawdex, bħall-kumplament tad-dinja, qed ifakkar l-importanza li jikber l-għarfien dwar l-awtiżmu.
Il-Ministru għal Ghawdex Justyne Caruana qalet li l-Ministeru għal Għawdex ried li proprju f’dawn il-ġranet ikun hemm għajnuna konkreta. Għalhekk sar ftehim mad-Djoċesi ta’ Għawdex biex permezz ta’ fondi mogħtija mill-Ministeru għal Għawdex jinxatra materjal informattiv u formattiv tal-katekiżmu li huwa addattat għat-tfal bl-awtiżmu.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li l-Ministeru għal Għawdex hu kommess li jkompli jsaħħaħ l-għarfien dwar il-firxa wiesgħa tal-awtiżmu f’Għawdex. Justyne Caruana spjegat kif postijiet ta’ importanza storika u strateġiċi ġew mixgħula b’dawl blu, kulur assoċjat ma’ din il-kundizzjoni, biex appuntu jkompli jikber l-għarfien. Ewlenin fosthom insibu il-binja tal-Ministeru għal Għawdex, iċ-Ċittadella u l-Banka Giuratale fil-qalba tal-Belt Victoria. Sar tiżjin ukoll fir-roundaboutsprinċipali f’Għawdex liema tiżjin sar minn persuni li għandhom l-awtiżmu imma b’messaġġ car u b’saħħtu dwar it-tisħiħ ta’ dawn l-istess persuni u dwar il-ħiliet li huma għandhom.
Min-naħa tiegħu, Dun Simon Cachia rringrazja lill-Ministru Caruana ta’ din l-għotja li żgur ser tkun ta’ ġid u sostenn għal dawn il-persuni.