Il-bdiewa u r-raħħala se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn massimu ta’ ħamest elef ewro kull wieħed f’ġieh il-konservazzjoni tal-ilma.
Il-Gvern ħabbar li fetħet skema li tgħin lil bdiewa fost l-oħrajn biex jagħmlu użu aktar effettiv tal-ilma b’investiment ta’ €750,000.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-settur agrikolu Clint Camilleri spjega kif il-bdiewa se jkunu jistgħu jieħdu flus biex jirranġaw il-ġwiebi jew itejbu s-sistema ta’ irrigazzjoni tagħhom.
Min-naħa tiegħu l-Ministru responsabbli mill-Enerġija u l-Ilma Joe Mizzi qal li din l-iskema tmur id f’id mal-kampanja ‘Ibda Minnek’ li trid iżżid l-effiċjenza fl-użu aħjar tal-ilma.
Din l-iskema se titkejjel kemm se tkun suċċess fejn informazzjoni reali se tara kemm se jkun frankat ilma b’metodi jew apparat li se jkun qed juża l-bidwi u r-raħħal.
L-applikazzjoni hija miftuħa online fuq ilma.org.mt jew tista’ timtela’ manwalment miċ-Ċentru Għajn fir-Rabat.
L-iskema għandha l-għan li tgħin sa massimu ta’, 150 bidwi u l-applikazzjonijiet għaliha jagħlqu fl-4 t’Ottubru jew sakemm jintlaħaq in-numru stabbilit.