Kollox jinsab lest biex minn nhar il-Ġimgħa, għoxrin elf metru kwadru ta’ art fiż-żona magħrufa bħala “Ta’ Passi” f’Għajnsielem, tinbidel f’villaġġ li jfakkar il-ġrajja tat-twelid ta’ Ġesù Bambin.
Dan għall-11-il edizzjoni ta’ Bethlehem f’Għajnsielem – attività li issa daħlet sew fil-kalendarju tal-Milied f’Għawdex.
Hija attrazzjoni unika mhux biss għal pajjiżna imma wkoll għat-turisti, tant li fl-aħħar snin mhux darba jew tnejn ġibdet l-attenzjoni tal-midja internazzjonali.
Il-villaġġ jieħu lil dak li jkun lura fiż-żmien, fejn titwaħħad l-istorja tan-nattività ta’elfejn sena ilu maż-żminijiet tal-lum; b’kunċett tat-tradizzjonijiet u kultura Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru Justyne Caruana sostniet: “Huwa attrazzjoni importanti ħafna fejn jispikka l-element awtentiku. L-element tal-volontorjat qawwi wkoll li hawn f’din il-komunità però mbagħad ukoll l-investiment li l-Ministeru għal Għawdex qed jagħmel biex Għawdex isir attrazzjoni għal żmien il-Milied ukoll.”
Is-Sindku t’Għajnsielem Kevin Cauchi nnota li din is-sena, ix-xogħol waqa’ ftit lura minħabba xi ħsarat li seħħew kawża tal-grigalata li għamlet aktar kmieni din is-sena, iżda grazzi għall-voluntiera, il-Kunsill Lokali, u l-għaqdiet tar-raħal, kollox jinsab lest biex dan il-villaġġ żgħir fil-gżira tat-tliet għoljiet jinbidel f’raħal fejn aktar minn elfejn sena ilu twieled Ġesù Bambin.
Cauchi stqarr: “Tista’ tgħid li wasalna fl-aħħar u jekk ma jinqala’ xejn inħares ’il quddiem sabiex matul dax-xahar ta’ Diċembru jkollna dat-tliet ġimgħat mimlijin attivitajiet fejn wieħed jista’ jesperjenza l-presepju tradizzjonali Malti f’ambjent sabiħ ġewwa Ta’ Passi f’xahar fejn inti għandek lil Kemmuna fl-isfond, għandek l-ikel tipiku Malti, għandek l-atturi u l-presepju Malti kif nafuh aħna fl-atmosfera tal-istorja tan-nattività.”