Il-lagħha informali tal-Ministri tal-Finanzi tal-UE għada se tkun qed tiddiskuti n-negozjati tat-tielet bailout għall-Greċja. Bil-Greċja tgħid li se tkun qed titlob li jsir summit b’urġenza jekk illum ma jintlaħaqx qbil dwar dawn in-negozjati diffiċli.
Dan hekk kif wara numru ta’ negozjati, il-Greċja u s-sorsi internazzjonali ta’ kreditu għandhom ma sabux qbil bejnithom biex il-pajjiż jingħata bailout ieħor, dan wara li l-Prim Ministru Alexis Tsipras qal li jeħtieġ li l-ftehim jintlaħaq din il-ġimgħa filwaqt li akkuża lill-kredituri li qed “jilgħabu logħba” u “jikkawżaw dewmien”.
Dwar in-negozjati ta’ bailout id-diskussjonijiet bejn il-Greċja, l-Unjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali ilhom għaddejjin xhur dan hekk kif il-progress fiskali, fl-impjiegi u fis-settur tal-enerġija fil-Ġreċja qed jinkwieta lill-Ewropej minħabba l-biża ta’ kriżi finanzjarja oħra.
Il-Ministri tal-finanzi se jkunu qed jiddiskutu l-istat tan-negozjati tal-Ġreċja matul is-sessjonijiet tal-laqgħa informali iżda m’huwiex mistenni li dawn in-negozjati diffiċli jiġu konklużi illum.
Il-Prim Ministru tal-Greċja Alexis Tsipras f’konferenza tal-aħbarijiet wara li kellu mal-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk qal li l-ekonomija tal-Greċja lesta biex tħalli l-kriżi finanzjarja warajha, huwa qal li minkejja li r-riżultati fiskali tal-pajjiż kienu fi kliemu impressjonanti, l-kredituri xorta waħda mhux jirikonoxxu r-riformi li saru.
” Din mhux logħba, dan huwa l-futur tan-nies li qed nitkellmu dwaru.” sostna Tsipras.
Biex il-Ġreċja tingħata l-flus hija obbligata li tgħaddi informazzjoni regolari dwar il-progress tar-riformi li qed timplimenta, liema riformi qed jinkwetaw lill-kredituri internazzjonali.
Tusk spjega li l-Unjoni Ewropea qed taħdem favur il-Greċja u li qed tiffaċilita n-negozjati.