Għajnejn id-dinja jinsabu fuq il-belt qaddisa ta’ Bethlehem, il-belt fix-Xatt tal-Punent u b’hekk fit-territorju Palestinjan, li għall-Kristjani tfisser ħafna għaliex hija l-post fejn twieled Ġesù, il-Messija.
Din is-sena x-xeni f’Bethlehem huma differenti, bil-pjazza fejn hemm armata bħas-soltu s-siġra massiċċa tal-Milied u l-maxtura, barra l-Knisja tan-Natività, tinsab vojta għajr xi nies tal-post li qed iterqu t-toroq sbieħ ta’ din il-belt.
Fil-Knisja tan-Natività hemm inqas nies mis-soltu iżda llejla xorta se tkun qed tipi ċċelebrata l-quddiesa ta’ nofs il-lejl fil-post fejn hemm il-grotta u li l-istorja tgħid li propju Marija weldet lil Ġesù, fisqietu u medditu f’maxtura.
Il-Patrijarka ta’ Ġerusalem Monsinjur Pierbattista Pizzaballa mistenni jqaddes il-quddiesa ta’ nofs il-lejl bi ftit nies preżenti fil-Knisja fosthom saċerdoti oħra, membri ta’ korpi diplomatiċi ta’ pajjiżi oħra u s-Sindku ta’ Bethlehem.
Dan wara li l-President tal-Awtorità Palestinjana Mahmoud Abbas ordna li l-quddiesa tkun imxandra b’mod dirett biex jiġi evitat l-influss ta’ ħafna nies fil-Knisja qaddisa.
Il-Palestinjani, li jqisu dan iż-żmien bħala wieħed tajjeb għat-turiżmu jinsabu għaddejin minn żmien ta’ sfida hekk kif dan il-Milied ma ġabx influss ta’ viżitaturi fl-art fejn twieled il-Bambin.
Fil-belt ta’ Bethlehem hemm mal-elf każ attiv ta’ Coronavirus.