Illum kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-aħwa Adrian u Robert Agius magħrufa bħala tal-Maksar flimkien ma’ Jamie Vella u George Degorgio fil-każ tal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop.
Fil-Qorti nstemgħet ix-xhieda ta’ ħaddiema stazzjonata fil-control room tal-Pulizija dakinhar tal-qtil ta’ Chircop, li qalet kif kmieni filgħodu rċevew telefonata fejn ġiet infurmata bil-katavru ta’ Chircop quddiem il-garaxx tiegħu.
Xehdet ukoll ħaddiema tal-emerġenza li marret fuq il-post tad-delitt, li iddeskriviet il-katavru wiċċu ‘l fuq ta’ Chircop.
B’żewġ tiri fl-istonku tiegħu, hija qalet kif il-vittma deher li hu kien mejjet għal xi ħin.
Min-naħa tagħha, surġent tal-Pulizija xehdet kif fl-erbgħa ta’ Diċembru tal-elfejn u sbatax, hija kienet ordnata tesebixxi mandat tal-arrest għal Jamie Vella, meta ġew arrestati għaxar persuni marbutin mal-investigazzjoni tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, iżda dan kien inħeles.
Lejn l-aħħar tas-seduta ġie diskuss il-ħelsien tal-arrest ta’ Adrian Agius, liema talba se tieħu deċiżjoni fuqha l-Maġistrat fl-awla.
Il-każ se jkompli fis-sitta ta’ Lulju fid-disgħa ta’ filgħodu.