Fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Roderick Cassar mixli fost l-oħrajn bil-qtil ta’ martu Bernice Cassar.
Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ l-Ispettur Shawn Pawney li beda jagħti deskrizzjoni ta’ x’qalulu x-xhieda fuq il-post meta seħħ l-omiċidju.
Spejga li ħaddiema tal-kumpanija fejn kienet taħdem Bernice semgħu l-għajjat mit-triq u f’filmat li ħadu tinstema’ l-vittma tgħajjat “ajjut ajjut.”
Intqal ukoll kif Roderick Cassar ċempel lill-missier il-vittma u qallu li kien għadu kif qatel lill bintu u għamel referenza għall-istitut li fih se jispiċċaw uliedhom.
L-Isptettur żied jgħid li l-akkużat ħa l-mobile ta’ Bernice li fil-fatt instab fuqu.
Meta kien qed jagħti d-deskrizzjoni ta’ xħin ra l-katavru mal-art biswit il-karozza, qal li ra ammont kbir ta’ demm, filwaqt li ra parti kbira tan-naħa t’isfel ta’ wiċċ Bernice imtajjar. Kif juru kameras tas-sigurtà, l-omiċidju seħħ f’seba’ minuti u nofs.
Kienet xufier ta’ taxi li ċemplet l-ewwel in-numru tal-emerġenza wara li seħħ il-każ.
L-Ispettur Pawney qal kif f’Mejju li għadda, Roderick Cassar kien ħebb għal Bernice b’sikkina u kien hawn li telqet tgħix għand familtha f’Ħaż Żebbuġ.
Dwar il-każ ta’ lejlet l-omiċidju ntqal kif l-akkużat f’temp ta’ siegħa ċempel għal seba’ darbiet lill-vittma.