Fi stqarrija s-Sezzjoni Kunsilliera tal-Partit Laburista qalu li l-Kunsilliera Laburisti ta’ San Ġiljan kienu kostretti jitilqu ‘l barra mil-laqgħa tal-Kunsill li saret nhar it-Tnejn 19 ta’ Ġunju, wara kliem dispreġjattiv li beda jgħaddi s-Sindku Guido Dalli fil-konfront tagħhom. Dan il-kliem intqal wara diskussjoni fuq deċiżjoni li kienet ittieħdet fil-laqgħa preċedenti fejn kien ġie deċiż li dawk l-istabbilimenti tal-inħawi ta’ San Ġiljan li kienu ddepożitaw €100 fil-festa ta’ San Patriżju (li saret f’Marzu li għadda), jerġgħu jingħataw flushom lura wara li kienu mxew fuq il-kundizzjonijiet imposti fuqhom mill-istess Kunsill.
Għall-oġġezzjonijiet magħmula mill-Kunsilliera Laburisti, is-Sindku Guido Dalli ried li dawn ma jirrispettawx il-kundizzjonijiet tal-ftehim u b’arroganza kbira għadda kummenti degradanti li ma ħallewx lok li l-laqgħa tkompli miexja b’mod seren.
Il-garanzija tal-istabbilimenti kienet li għandhom inaddfu l-area tagħhom wara tmiem il-festa ta’ San Patriżju. Is-Sindku Dalli reġa’ qajjem din il-kwistjoni biex dawn ma jingħatawx flushom lura meta l-Kunsill Lokali kien diġa’ approva li dawn għandhom jingħataw il-flus dovuti lilhom fil-laqgħa preċedenti.
Fost għajjat, insulti u xeni xejn dinjitużi tas-Sindku Guido Dalli, tant li kellu jiġu rraportat lil Bord tal-Governanza u d-Dipartiment tal-Gvern Lokali, il-Kunsilliera Laburisti wara oġġezzjoni kbira ma kienx fadlilhom soluzzjoni oħra għajr li jitilqu ‘l barra mil-laqgħa.
Dan l-aġir tat-tmexxija ta’ Sindku fil-laqgħat tal-Kunsill huma indikazzjoni ta’ djgħufija fil-ħsieb, mod ta’ tmexxija fqira u nuqqas ta’ għaqda meta wieħed jista’ aktar b’mod prattiku jirreferi għall-minuti preċedenti u jasal għall-konklużjonijiet tiegħu. Din kienet it-tielet darba li l-Kunsilliera Laburisti kellhom jitilqu ‘l barra mil-laqħha minn kemm ilu fil-kariga is-Sur Dalli, temmet tgħid l-istqarrija