Is-sitwazzjoni fl-MCAST hi waħda li ma jixirqilhiex logħob politiku. Fi stqarrija mill-Partit Laburista ntqal li huwa ta’ dispjaċir li l-Partit Nazzjonalista jaqa’ għal dan il-livell iżda dan ma jafx mod ieħor, għax meta niġu għall-implimentazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet, ma ssibux b’nemes.
Intqal li l-istqarrija mill-Gvern uriet kif il-Gvern talab li jiġu rtirati d-direttivi li bihom qed ibatu l-istudenti.
Gvern Laburista laħaq diversi ftehimiet settorjali u l-aħħar ftehim kollettiv iffirmat il-ġimgħa l-oħra ma’ għaxar unjins wassal għal titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Dan fl-istess waqt li fil-qasam tal-edukazzjoni, l-edukaturi ħadu l-aqwa ftehim b’żidiet sostanzjali fil-pagi u titjib qawwi fil-kundizzjonijiet tagħhom.
Dan għal kuntrarju ta’ żmien Gvern Nazzjonalista li fi kliem ir-rappreżentanti tal-ħaddiema stess kienu sostnew li l-għalliema kienu jibqgħu bl-istess pagi wara li kien jiskadi l-ftehim settorjali. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista hu bla kredibbiltà.
Il-Partit Laburista temm jgħid li wieħed jawgura li tinstab soluzzjoni permanenti u sostenibbli li tagħti dak li ħaqqhom lil-letturi, u fl-istess waqt l-istudenti m’għandhomx jibqgħu ballun f’tilwima.
Aqra aktar hawn: