“Għaffiġha”. Dan kien it-titlu qasir u skjett li bih l-editorjal tal-Illum beda janalizza il-pożizzjonijiet diversi u kuntrastanti li Bernard Grech stess qed jieħu fuq temi differenti. L-editorjal tal-gazzetta ‘Illum’ jinnota kif Bernard Grech ġmielu jibdel il-pożizzjoni tiegħu.
L-editorjal jibda billi jgħid kif saret prattikament impossibli li tara l-opinjoni ċara tal-Partit Nazzjonalista dwar il-kannabis hekk kif qisek qed tipprova toħroġ qatra ilma minn ġebla. Biex issa saħansitra Bernard Grech huwa inqas kredibbli dwar din il-kwistjoni milli kien sa ftit ġranet ilu.
L-editorjal jinnota kif din mhux l-ewwel kwistjoni li dwarha Bernard Grech kien qisu qasba tixxengel mar-riħ. Fuq l-abort Bernard Grech ħareġ jipprova jsikket lil kull min huwa favur fil-partit. Dan tant li qal li m’hemmx post għal min hu favur fil-Partit li jmexxi. Dikjarazzjoni li reġa’ dawwar ftit tal-jiem wara bi Grech jgħid li hemm post għalihom fil-Partit.
L-istess għamel bil-wegħda dwar proġetti fuq art ODZ u li dawn l-ewwel riedhom jgħaddu mill-parlament. Din il-wegħda mill-Milied sa San Stiefnu għamlet intatta qabel Bernard Grech reġa’ benġilha u qal li mhux il-proġetti kollha jridu jitilgħu fil-parlament. Biex imbgħad fuq il-programm fuq l-istazzjon nazzjonali deher inklinat li jerġa’ jgħid li l-wegħda tiegħu tgħodd għal kull proġett.
F’editorjal akkumpanjat minn karikatura ta’ Bernard Grech jidher perpless quddiem il-pariri kunfliġġenti tal-istrateġista tiegħu u sid ta’ Lovinmalta Chris Peregin, l-Editur tal-gazzetta Illum jinnota kif qass titwemmen kif il-Partit Nazzjonalista ħareġ b’argumenti daqstant foqra dwar il-kannabis wara ħames xhur jaħsibha. Dan hekk kif il-liġi proposta toffri sitwazzjoni kompletament differenti minn dik li qed jipprova jpinġi Bernard Grech bl-editorjal ikompli jgħid kif ir-riforma mhux vera ser tkun qed tinnormalizza l-kannabis hekk kif ser ikun hemm bosta regolamenti u kontrolli.
L-Editur stqarr kif bl-argumenti tiegħu Bernard Grech qiegħed jittratta n-nies ta’ ċwieċ hekk kif sempliċiment mhux minnu li kull min jieħu joint ser jispiċċa jaqa’ fil-vizzju tad-droga. Qal li dan l-argument huwa wieħed fallaċi.
Filwaqt li l-editorjal jgħalaq b’pożizzjoni ċara favur il-liġi proposta mill-Gvern jgħid kif Bernard Grech messu jaf aħjar u mhux qed jinqeda b’din il-kwistjoni biex jipprova jikseb erba’ punti politiċi.