“Tħoss idejh tagħfsek imbagħad jgħidulek li l-persuna fi ftit minuti miet- ikun qed imut f’idejk”
Kliem Emanuel Psaila d-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’intervista ma’ ONE NEWS waqt li qed jirrakkonta episodju minn dawk li jiltaqa’ magħhom ta’ kuljum waqt ħidmietu. Il-każ seħħ madwar tmien snin ilu meta qabdet residenza fi Triq il-Kampanella l-Fgura.Minkejja l-isforzi kollha li saru, sfortunatament, il-vittma ma rnexxielux isalva.
Is-Sur Psaila qal li l-għajnuna tal-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili tiswa mitqlu deheb u tista’ tfisser il-ħajja jew mewt tal-persuna.
Ċifri ppubblikati fil-Parlamenti juru li sal-aħħħar ta’ Settembru li għadda, il-ħaddiema tad-Dipartiment issejħu f’aktar minn erbat elef u erba mija każ ta’ assistenza. L-istatistika turi li l-pumpiera ħarġu jissieltu n-nirien fi djar u karozzi f’aktar minn elf u sitt mitt każ.
Is-Sur Psaila li waqgħetlu zokortu fix-xogħol ta’ salvataġġ saħaq li l-ikbar irwol li għandu d-dipartiment huwa li jsalva l-ħajjiet.
L-aktar xahar li fih intalbet assistenza kien f’Lulju li għadda waqt li Jannar kien l-aktar xahar kwiet għall-ħaddiema tad-dipartiment.