Il-President tal-Kunsill Ewropew tal-Unjoni Ewropea Donald Tusk qal li għadu possibli li jintlaħaq kompromess mar-Renju Unit dwar BREXIT.
Il-kummenti ta’ Tusk ġew wara li l-Prim Ministru Ingliż Theresa May indirizzat konferenza tal-aħbarijiet f’Downing Street u wissiet lill-mexxejja Ewropej li hi mhux lesta tmur kontra l-vot tar-referendum li sar sentejn ilu.
Filwaqt li ddefenda l-pożizzjoni li qed tieħu l-Unjoni Ewropea fil-konfront tar-Renju Unit, Tusk qal li huwa jammira lil May.
Min-naħa l-oħra saħaq li hija l-Prim Ministru Ingliż li qed tkun iebsa mal-Unjoni Ewropea u tagħmilha diffiċli biex jinstab kompromess.
Ir-Renju Unit hu mistenni li jħalli l-Unjoni Ewropea fid-disgħa u għoxrin ta’ Marzu li ġej.
B’rabta ma’ dan sar summit f’Salzburgu fejn May qalet li l-Ewropa offriet lir-Renju Unit żewġ għażliet b’waħda minnhom tkun li jibqa’ tagħmel parti miż-żona ekonomika Ewropea.
Dan ifisser li r-Renju Unit xorta jkollu jobdi d-direttivi Ewropej fejn jidħlu l-ekonomija u l-immigrazzjoni.
Fi kliem il-Prim Ministru Ingliż din il-proposta qed twaqqa’ għaż-żufjett il-vot li ttieħed sentejn ilu fir-referendum ta’ Brexit.
It-tieni proposta tal-Unjoni Ewropea, spjegat May, tista’ twassal għal verifiki fil-fruntieri Ingliżi mal-Unjoni Ewropea, partikularment bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda.
Dwar din May qalet li l-mexxejja Ewropej qed jagħmlu żball fundamentali jekk qed jaħsbu li hi se taċetta din il-proposta.
B’ton rett qalet li aħjar ma jintlaħaqx ftehim milli jintlaħaq ftehim ħażin.