15:38: Il-Pulizija kkonfermat li l-katavru hu ta’ raġel Malti ta’ 34 sena, u mhux 43 sena kif inizjalment ġie rrapportat.
14:00: Ir-raġel li nstab mejjet f’xaft f’binja f’Ħal Qormi lbieraħ għall-ħabta tal-16:00 ta’ wara nofsinhar, ġie identifikat bħala raġel ta’ 43 sena residenti Ħal Qormi stess.
Dan skont x’qed jiġi rrappurtat minnn TVM, fejn irrapportaw li l-istess raġel kien magħruf sew mal-Pulizija għax ilu għal dawn l-aħħar 15-il sena jabbuża mid-droga. Hu ġie identifikat mit-tpinġija li għandu fuq idu l-leminija u skont l-istess kamra tal-aħbarijiet kienu ilu mejjet għal madwar tlieta jew erbat ijiem.
Qed ikun allegat li l-istess raġel x’aktarx tilef ħajtu kawża ta’ użu eċessiv ta’ droga, iżda dan għad irid jiġi kkonfermat galadarba joħroġ ir-riżultat tal-awtopsja.
Hu nstab f’xaft li kellu madwar filata ilma ta’ binja miftuħa, li x’aktarx tintuża ta’ spiss għall-abbuż tad-droga.
Aktar qabel: Ir-raġel li nstab mejjet ilbieraħ fi Triq il-Mastrudaxxa f’Ħal Qormi għadu ma ġiex identifikat. Ikkonfermaw dan il-Pulizija.
Il-katavru tar-raġel instab f’binja miftuħa ilbieraħ għall-ħabta tal-16:00 ta’ wara nofsinhar, meta l-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ħarġu l-katavru mill-binja.
Il-kawża tal-mewt tar-raġel għadha mhux magħrufa hekk kif ir-riżultati mill-awtopsja għadhom ma ħarġux.
Numru ta’ esperti forensiċi, fil-jum tal-inċident, inġabru fuq il-post biex tinġabar l-evidenza, biex fost oħrajn jiġi investigat jekk kienx hemm persuni oħra involuti f’dan il-każ.