Id-Deputat Nazzjonalista Għawdxi Alex Borg għadu determinat li għaqdiet Repubblika u tas-Civil Society Network għadhom irrelevanti. Dan anki meta f’Awwissu tas-sena li għaddiet għajruh bi prattiċi Faxxisti.
Irrappurtat dan il-gazzetta KullĦadd, li qalet kif sorsi viċin Alex Borg saħqu li huwa għadu jemmen li l-ħidma ta’ dawn l-għaqdiet qed toħloq ħsara kbira fil-Partit Nazzjonalista.
Dawn l-attakki fil-konfront ta’ Borg mill-fazzjoni tal-establishment waslu biex huwa kiseb riżultat personali b’saħħtu.
Dan hekk fid-distrett ta’ Għawdex, Alex Borg ġab aktar mid-doppju ta’ voti minn Chris Said, li huwa parti mill-Blue Heroes.
Alex Borg wassal biex mit-tlettax-il distrett ma ġewx eletti mal-ewwel Joe Ellis, Kevin Cutajar u Claudette Buttigieg.
Kien f’Awwissu li għadda, meta l-President tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina kien talab apoloġija mingħand Alex Borg, wara li dan tal-aħħar kien ikkundanna l-fergħa favur l-establishment, dik tas-Civil Society Network.
Hawnhekk dwar dawn l-għaqdiet, Alex Borg qal kif dawn l-entitajiet jmorru lil hinn mill-prinċipji tal-Partit Nazzjonalista u qal kif dawn huma irrelevanti.
Dan kollu ġab reazzjoni ħarxa minn ħu d-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, Robert Aquilina li qal kif din hija attitudni faxxista.
Dwar dan il-Kelliem Ewlieni ta’ Bernard Grech, Peter Agius iddikjara li azzjonijiet bħal dawn ifixklu l-ħidma tal-partit.
Wara dan l-inċident kien hemm pressjoni kbira li saret mill-establishment Nazzjonalista biex Alex Borg beda jitħalla barra mill-konferenzi uffiċjali tal-partit. Dan hekk kif żewġ konferenzi tal-aħbarijiet saru fil-preżenza ta’ Chris Said, Josephine Xuereb, Joe Ellis u Kevin Cutajar.
Is-sorsi qrib Alex Borg li tkellmu mal-gazzetta KullĦadd insistew li l-fazzjoni qrib l-establishment għandha tiddikjara jekk dawn għadhomx jemmnu l-istess.
Il-gazzetta KullĦadd innutat kif l-istess trattament bħal Alex Borg, kellu wkoll l-Avukat Joe Giglio. Dan hekk kif Karol Aquilina u Jason Azzopardi kkontestaw fuq id-disa’ distrett.