It-22 ta’ Frar tal-2010.
F’Ħal Qormi tinħass theżżiża kbira, ikkawżata minn splużjoni fil-Kamra tan-Nar ta’ San Bastjan.
Splużjoni li ħasdet il-ħajja ta’ Damian li kellu 21 sena u Alfred li kellu 55 sena.
Għaxar snin għaddew bħal-leħħa ta’ berqa iżda għal Horace u Pauline, omm u missier Damian, kienu għaxar snin ta’ dulur li għadhom iġorru sal-lum.
Bħal-lum għaxar snin kienet ġurnata li serqitilhom lil Damian, id-djamant tagħhom.
Imbikkem, missieru spjegalna li f’din il-ġurnata misħuta, Damian kellu jibqa’ d-dar biex jistudja għal eżami li kellu l-għada. Siġġu li baqa’ vojt għaliex id-destin kellu pjanijiet oħra.
“It-Tnejn, it-tnejn imqaddes. Filgħodu ħareġ għax-xogħol, kien jaħdem il-Qorti, wasal id-dar xil-ħamsa ta’ filgħaxija mix-xogħol, kumbinazzjoni kont qiegħed id-dar jien hawn u ġie kiel u jirċievi telefonata m’għand xi ħadd għax dakinhar kważi qas kellu joħroġ, qas kien ħiereġ għax kellu eżami u qas kien ħiereġ u xi ħadd ċempillu u qalli ħiereġ minix se ndum, qalli dalwaqt niġi, qalli għax irrid niġi nistudja u xħin ħareġ, ħuh qallu ħa niġi miegħek u qallu le tiġi xejn, qallu tiġix imbagħad niltaqgħu l-armar. Qallu niġi niġbrok mill-armar.”
Mat-telefonata, Damian reħielha lejn il-kamra tan-nar u f’temp ta’ kwarta ħajjet Horace u Pauline inqelbet ta’ taħt fuq.
“Ħriġt il-karozza jien u l-mara u morna fuq il-post u niltaqa’ ma’ sħabu, saqsejt għalih, sħabu qas kważi kellmuni dakinhar, mhux għax ma ridux ikellmuni għax qas felħu jkellmuni u tlajt fuq u nara l-kamra fejn kien ikun ma’ sieħbu, imwaqqa’ bis-saqaf ċeda, niżel fuqhom dakinhar u nżilt isfel u kien hawn il-mara miegħi dak il-ħin, għidtilha mur, inġabar għand ommok, għidtilha għax jien se nibqa’ hawn sakemm joħorġuhom, għidtilha, Damian mejjet.”
Damian, iż-żagħżugħ ferrieħi dejjem bi tbissima fuq fommu, kien jagħmel kollox għall-festa ta’ San Bastjan tant li saħansitra, miet għaliha.
“Il-festa kien iħobbha ħafna hux, u miet għall-festa. Żgur li miet għall-festa, għax hekk kien ikanta hu, ‘Jien Bastjaniż twelidt u Bastjaniż immut.’ U hekk miet.”
Għaddew għaxar snin iżda l-ferita għadha miftuħa beraħ. Ta’ kuljum, kull filgħaxija, missieru jmur ħdejn is-sodda fejn għaxar snin ilu Damian strieħ għall-aħħar darba taħt l-istess saqaf ma’ familtu.
“Bqajt nagħmilha kuljum din il-ħaġa, waqt li nkun sejjer norqod, ngħaddi nbus is-sodda tiegħu fejn kien raqad l-aħħar bħal anki l-bieraħ filgħaxija, qabel ma tlajt bdejt ngħid l-aħħar ġurnata li rqadt hawn fuq din is-sodda tiegħek, għada ma kontx se torqod hawn.”
Ommu u missieru qalulna li kull ma jibqa’ tifkiriet u memorji, li ser jibqgħu jgħożżu għal ħajjithom kollha fosthom l-aħħar ritratt li kien ħa Damian ma’ ħutu f’għeluq snin missieru ftit xhur qabel it-traġedja.
Memorji li llum jirrakkontaw lin-neputijiet żgħar tagħhom, li ta’ sikwit imorru jżuru lil zijuwhom iċ-ċimiterju iżda li qatt ma kellhom ċans jaraw.
Għaxar snin nieqes iżda qatt minsi.
“Nibqa’ sakemm niltaqa’ miegħu, xi darba niltaqa’ miegħu u nkun ferħan li narah nerġa’.”