“Għadni ma nistax nemmen li kellha tasal dil-ġurnata. Batejt wisq u żżejjed f’dil-ħajja, però bil-qalb u l-kuraġġ kbir li kellek xorta bqajt tferraħ u tgħaqqad lin-nies… imma issa wasal iż-żmien li tistrieħ darba għal dejjem. Minn qiegħ qalbi nixtieq nirringrazzjak ta’ dak kollu li għamilt miegħi u ma’ ħafna nies. Żomm idejk fuqna minn hemm fuq. Strieħ fis-sliem.”
Kliem mill-aktar emozzjonanti li qasam fuq Facebook wieħed miż-żewġ ulied ta’ Stephen Camilleri, li fl-aħħar sigħat tilef il-battalja mal-kanċer u ħalla din id-dinja.
Kienu ħafna dawk li mal-aħbar, imlew il-profil ta’ Stephen fuq Facebook b’messaġġi li wrew l-imħabba u r-rispett li kien igawdi minnhom matul ħajtu.
Deskritt bħala raġel kuraġġuż u ta’ eżempju, Stephen kien jaħdem fl-ambulanzi tal-Isptar Mater Dei, u infermiera kollega tiegħu kitbet fuq Facebook li dejjem kien jieħu ħsiebhom fil-ħin tax-xogħol, u qalet li dejjem kien jagħmel iżjed milli mistenni billi kien jgħinhom u jdaħħal lill-pazjenti sal-kurituri anki jekk ma kienx xogħlu.
Fuq kollox, Stephen kien deskritt bħala raġel li sal-aħħar nifs ta’ ħajtu wera kuraġġ bla preċedent, anki jekk iktar minn kulħadd kellu bżonnu hu.
Il-funeral ta’ Stephen Camilleri se jsir nhar il-Ħamis fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar fil-Knisja ta’ Ħal Għaxaq.