“Dawn il-kummenti jixhdu kemm għadna ‘l bogħod mill-kisba vera tal-ugwaljanza fis-soċjetà.”
Kienet din ir-reazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE), fid-dawl ta’ kummenti li pinġew b’mod żbaljat l-attività Dance with Pride, waħda mill-inizjattivi marbuta mal-EuroPride 2023.
L-ugwaljanza titlob li jkun hemm aċċettazzjoni ġenwina, inklużjoni u viżibilità tal-gruppi soċjali kollha, inkluż persuni LGBTIQ.
NCPE
Il-Kummissjoni qalet li Malta għamlet avvanzi kbar fir-rikonoxximent ta’ drittjiet ugwali bejn persuni b’orjentazzjonijiet sesswali u identitajiet tal-ġeneru differenti.
Iżda, żiedet tgħid, il-fatt li xi persuni esprimew kundanna għall-preżenza tat-tfal waqt żifna kollettiva – attività adatta għall-etajiet kollha u li rat il-parteċipazzjoni ta’ nies minn sfondi soċjali differenti – juri li għad hawn min jara l-identitajiet ta’ persuni LGBTIQ bħala devjanti u li m’għandhomx jitqiesu ta’ valur ugwali għal identitajiet eterosesswali u cisgender.
L-NCEP qalet li t-tfal huma kontinwament esposti għal espressjonijiet eterosesswali u cisgender tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru.
F’dan il-kuntest, staqsiet: Għaliex, mela, l-eżistenza ta’ persuni LGBTIQ għandha tiġi moħbija minnhom?
L-istennija li persuna LGBTIQ jsiru inviżibbli m’għandha x’taqsam xejn mal-ħarsien tat-tfal; hija biss marbuta mat-tisħiħ tal-inugwaljanzi soċjali u l-marġinalizzazzjoni.
Storikament, il-Pride hija ċelebrazzjoni ta’ identitajiet LGBTIQ f’kuntest ta’ inugwaljanza li jnaqqas il-valur ta’ dawn l-identitajiet. Kummenti ta’ disprezz lejn żifna kollettiva li tati viżibbiltà lill-persuni LGBTIQ ifakkruna propju fil-ħtieġa tal-Pride.