Jekk kien hemm bżonn konferma li l-inkwiet fil-Partit Nazzjonalista għadu għaddej taha l-avukat ta’ Adrian Delia.
L-avukat Vincent Galea, li qed jagħmel xogħol ta’ avukat għal Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista, qal li spiċċa attakkat wara li Delia talbu jagħmel xogħol fil-partit u f’kitba fil-Mument irrefera għal dik li sejħilha fazzjoni li mhux taqbel mat-tmexxija ta’ Delia. Biex qed ikomplu jkunu n-nazzjonalisti stess li fil-beraħ qed jitkellmu fuq fazzjonijiet differenti.
Skont l-avukat Galea jidher li l-iskop ta’ din il-fazzjoni hu li jitlef il-Partit Nazzjonalista. “U jitlef b’maġġoranza ikbar ħalli mbagħad ikunu minn ta’ quddiem li jakkużaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista li dak li seħħ huwa tort tiegħu u ta’ ħadd iżjed,” kiteb l-avukat ta’ Delia.
U żied jgħid li b’hekk dawn in-nies ikunu jistgħu jerġgħu jaħtfu lill-Partit Nazzjonalista. “Huwa faċli titfa’ l-ġebla u taħbi idek u meta tkisser il-ħġieġa tgħid li ma kontx int,” kompla jżied l-avukat ta’ Delia. Vincent Galea jgħid li din hi l–mentalità ta’ wħud li għadhom fil-Partit Nazzjonalista.
Il-kummenti ta’ Galea inqas minn ġimgħa wara li l-PN ħareġ jgħid li s-sitwazzjoni fi ħdanu hi riżolta juru li s-sitwazzjoni mhu riżolta xejn tant li n-nies ta’ Delia qed jakkużaw lil oħrajn fil-PN li jridu lill-istess partit jitlef.