Bosta Maltin kienu kkummentaw fuq is-sit ta’ facebook rigward il-bnadar li kienu raw fil-Belt Valletta li kellhom is-simbolu użat mill-ISIS. L-ewwel ħsieb tagħhom kien li l-istess ISIS kienu ser jattakkaw il-gżejjer Maltin. Iżda dawn ma kienu xejn ħlief bnadar użati għal-produzzjoni ta’ film li jġib l-isem ta’ 13 Hours: The Secret Soldiers of Benghazi.
Din ma kinitx l-ewwel produzzjoni li għaliha ntgħażlet Malta. Il-filming beda proprju fis-27 ta’ April 2015 u ħa madwar sitt xhur. Il-Belt Valletta, Kordin u Manoel Island kienu l-postijiet li ntużaw għal bosta xeni.
L-istorja ta’ din il-produzzjoni hija bbażata fuq storja vera u hija msejħa bħala bijografija tal-gwerra. Id-direzzjoni ta’ dan il-film kienet immexxija mid-direttur Michael Bay li mexxa wkoll produzjonijiet bħal Transformers, Armageddon u Pearl Harbour. Il-kitba kienet dik ta’ Chuck Hogan li kienet ibbażata fuq il-ktieb miktub minn Mitchell Zuckoff, bit-titlu 13 hours.
F’dan il-film jieħdu sehem bosta atturi famużi fosthom James Badge Dale u Max Martini. Paramount Pictures ħarġet dan il-film f’Jannar.