“Għaddiet sena oħra. Il-ġimgħa d-dieħla nagħlaq 31 u għadni hawn! U x’sena dik!”
Hekk kiteb Bjorn Formosa fuq Facebook, li stqarr kif kull xahar, il-kundizzjoni tiegħu l-ALS tgħallmu xi ħaġa ġdida.Kundizzjoni li għallmitu japprezza kull mument fil-ħajja tiegħu, u kif wieħed għandu jgħin u jagħti minn dak li għandu, għaliex fi kliemu “meta tagħti kollox, b’xi mod jew ieħor tirċievi kollox lura”.
Bjorn kompla jikteb li fl-aħħar sitt xhur inġabru l-fondi li għamluha possibbli biex nhar il-Ġimgħa tinfetaħ DAR Bjorn.
“Il-ħin tiegħi hawnhekk qed jersaq lejn tmiemu. Nixtieq biss li mewti tkun xprun għal oħrajn biex jemmnu fl-opportunitajiet u joffru lilhom infushom għal kull kawża pożittiva possibbli”, qal Bjorn.
Tenna li sakemm għadu hawn mhux se jaqta’ qalbu, u se jibqa’ jaħdem biex anki wara li tinfetaħ id-dar, jimxi għall-proġett li jmiss.
Filwaqt li rringrazzja lil kulħadd għas-sapport, ħeġġeġ lil kulħadd biex jagħti d-donazzjoni tiegħu b’SMS fuq 50618710. Kull SMS jiswa’ € 4.66.