L-amministrazzjoni tal-Enemalta uriet l-apprezzament tagħha lill-impjegati li kienu xogħol fl-aħħar jiem, jiġifieri fi żmien ta’ festi, biex kull wieħed u waħda minnha jkollu l-elettriku. Il-ħaddiema għinu wkoll lil dawk il-klijenti li kellhom xi diffikultajiet tekniċi.
Madwar 200 inġiniera, tekniċi, ħaddiema li jgħinu l-klijenti f’diffikultà u impjegati oħrajn ta’ Enemalta kienu xogħol matul l-iljieli u l-ġranet tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.
Dawn il-ħaddiema jinkludu l-operaturi tal-istazzjonijiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, tekniċi u inġiniera oħra li jwettqu xogħlijiet ta’ manutenzjoni ta’ rutina fit-tagħmir tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku, l-inġiniera li kontinwament jikkontrollaw is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż u timijiet oħra ta’ tekniċi stazzjonati f’inħawi differenti ta’ Malta u Għawdex biex jirranġaw id-diffikultajiet tekniċi li jkollhom il-klijenti.
Fl-istess waqt, il-linji tas-servizz tat-telefon ta’ għajnuna lill-klijenti jkun miftuħ 24 siegħa kuljum biex jilqa’ t-talbiet ta’ għajnujna tal-klijenti u rapporti ta’ ħsarat.
Fl-għodwa tal-Milied u tal-Ewwel tas-Sena, l-ogħla uffiċjali tal-Kumpanija żaru lil dawn l-impjegati li qattgħu il-festi fuq il-lant tax-xogħol ‘il bogħod mill-għeżież tagħhom, biex ikomplu jipprovdu s-servizzi ta’ Enemalta.
It-tmexxija tal-Kumpanija saħqet fuq l-importanza tas-sehem ta’ dawn il-ħaddiema. L-amministrazzjoni qalet li waqt li nkunu qed niċċelebraw u ngawdu dawn il-festi, kultant naħsbu li kulħadd ikun qed jagħmel l-istess. Huma elenkaw fuq il-fatt, li fil-qasam tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku, m’hemmx btajjel – l-impjanti tal-elettriku u x-xibka tad-distribuzzjoni jridu jibqgħu jiġu mħarsa, kkontrollati u mantnuti il-ħin kollu.
“Naħsbu li donnu l-elettriku jiġi mix-xejn, b’mod naturali. Dan ir-raġunament huwa grazzi għall-ħaddiema li jagħmlu dak kollu li jistgħu biex iżommu s-servizzi tal-elettriku ‘l ħin kollu għaddejjin u biex meta tinqala’ xi diffikultà jaġixxu mill-ewwel ħalli jnaqqsu l-inkonvenjent lill-klijenti. Il-ħsarat u l-qtugħ tal-provvista ma nistgħux neliminawhom, iżda aħna impenjati li nkomplu dejjem insiru aktar preparati biex inwieġbu għal dawn id-diffikultajiet kemm jista’ jkun malajr. Nirringrazzjaw lill-ħaddiema tagħna, li jagħmlu dan kollu possiblu, jum wara jum,” stqarret il-Kumpanija.
Wieħed japprezza ukoll meta l-amministrazzjoni tal-kumpanija turi l-apprezzament tagħha għall-ħaddiema, li huwa ġest li ma ssibux f’kull post tax-xogħol.