“Għaddejna l-ewwel sena u se nirbħu.”
Dan kien kliem il-President Ukren, Volodymr Zelensky, f’għeluq l-ewwel sena mill-invażjoni ta’ pajjiżu mir-Russja.
Kien l-erbgħa u għoxrin ta’ Frar tal-2022. Ir-Russja ta’ Vladimir Putin bdiet l-invażjoni tagħha fl-Ukrajna f’dik li sejġitilha “operazzjoni militari speċjali”.
Din l-invażjoni bdiet wara li l-Ukrajna, imexxija mill-President Volodymr Zelensky, bdiet tħares b’mod attiv lejn sħubija fin-NATO.
It-truppi Russi ppruvaw jieħdu l-kapitali Ukrena, Kiev, iżda sabu reżistenza mill-militar u mill-poplu Ukren. F’messaġġ dakinhar, Zelensky qal li kien se jibqa’ jmexxi l-pajjiż.
Minn hemmhekk bdew jiġru l-atroċitajiet, fosthom dawk f’Bucha, fejn instabu oqbra ta’ mijiet ta’ persuni innoċenti, li l-unika raġuni għaliex inqatlu kienet li kienu Ukreni.
B’reazzjoni għal din l-invażjoni, li tikser il-liġijiet internazzjonali, l-Ukrajna ta’ Zelensky applikat biex tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Fl-istess waqtt, l-Iżvezja u l-Finlandja, pajjiżi meqjusa bħala newtrali u viċin ir-Russja, applikaw biex jissieħbu fin-NATO.
Din il-gwerra wasslet biex il-prezzijiet tal-ikel u tal-enerġija splodew ’il fuq. Wasslet ukoll għal kriżi fl-enerġija, wara li r-Russja waqqfet il-provvista tal-gass għall-enerġija lejn l-Ewropa permezz tal-akbar pipeline, dak tan-Nord Stream 1. Skont analisti tal-politika internazzjonali, din il-mossa mill-Kremlin seħħet b’reazzjoni għan-numru ta’ sanzjonijiet li imponiet fuq ir-Russja l-Unjoni Ewropea.
F’Settembru, l-Ukrajna ħadet mill-ġdid artijiet li kienu ilhom okkupati mir-Russi għal diversi xhur. Dan filwaqt li Putin ddikjara li erba’ reġjuni Ukreni saru parti mir-Russja wara referendum li sar u li tqies bħala wieħed illegali mill-komunità internazzjonali.
Din il-gwerra waslet biex eluf ta’ Ukreni ħarbu minn pajjiżhom filwaqt li oħrajn li baqgħu fl-Ukrajna ma kellhomx enerġija, spiċċaw bla linji ta’ komunikazzjoni, u anki tilfu djarhom.
Tul din is-sena, l-Ukrajna sabet l-appoġġ politikament u militarment mill-forzi tal-Punent, fosthom mill-Istati Uniti, mir-Renju Unit, mill-Unjoni Ewropea, u min-NATO.
Fil-messaġġ tiegħu, eżattament sena wara mill-bidu tal-invażjoni, il-President Ukren qal li din is-sena kienet waħda ta’ uġigħ, niket, fidi, u għaqda.
Zelensky qal ukoll li din is-sena se tkun is-sena tar-rebħa tal-Ukrajna.