Għaddej b’ritmu mgħaġġel xogħol ta’ restawr li jinsab għaddej fuq il-ħitan storiċi li jinsabu tul passaġġ antik fuq iz-Zuntier tal-Bażilika ta’ San Pawl, ir-Rabat.
Dawn ix-xogħlijiet bdew f’Ġunju tal-2022 u huwa maħsub li jitlestew sal-aħħar ta’ Lulju ta’ din is-sena.
Dan il-proġett hu wieħed mill-għaxar proġetti magħżula taħt l-Iskema tal-Kunsilli Lokali.
Il-proġett ġie propost mill-Kunsill Lokali tar-Rabat u x-xogħlijiet kollha, inklużi d-dokumentazzjoni tas-sit, l-applikazzjoni tal-permess tal-Ippjanar, u l-interventi kollha sussegwenti fuq is-sit saru mill-ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr.
Il-Perit Stephen Pulis, li kien inkarigat minn dawn ix-xogħlijiet, spjega x-xogħlijiet li qed isiru, li fost oħrajn jinkludu t-tindif tal-ħitan storiċi minn ħmieġ sewdieni u depożiti superfiċjali oħra li akkumulaw maż-żmien, tikħil ta’ fili, kif ukoll tneħħija ta’ graffiti, tikħil u kisi bis-siment.
Ix-xogħol kien jinkludi wkoll tindif u konsolidazzjoni tal-istatwi tal-ġebel, skulturi u motifi skolpiti illi tqiegħdu simetrikament fuq il-ħitan. Barra minn hekk, saru mill-ġdid il-gastri u l-iskultura tal-ġebel ornamentali li kienu ntilfu maż-żmien.
Is-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus, saħaq fuq l-importanza li jkompli x-xogħol biex jiġi attirat aktarturiżmu reliġjuż lejn il-lokalità.
Is-Sindku spjega li dan il-post kien fi stat li jintilef, imma bis-saħħa tax-xogħol li qed isir minn dawn il-ħaddiema, se jkun jista’ jerġa’ jitgawda.
Is-Sur Craus qal li, “Inħares ’il quddiem biex dan il-proġett nagħlquh ħalli jitgawda mill-poplu Rabti filwaqt li fl-istess ħin jikber l-ammont ta’ turisti li jżuru din iż-żona.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, qal li dan ir-restawr ikompli jixhed id-determinazzjoni kontinwa tal-Gvern li jibqa’ jippreserva l-wirt nazzjonali ta’ pajjiżna.
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll membri tal-Kunsill Lokali tar-Rabat u l-Arċipriet, Dun Joe Mizzi.