Waqt kollegament telefoniku fuq ONE Radio l-Ħadd filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela qal kif il-Gvern qed jaħdem u qed jagħmel l-arranġamenti kollha sabiex l-istudenti jerġgħu jidħlu lura lejn l-iskola minn Ottubru li ġej.
Il-Prim Ministru saħaq li l-istudenti għandhom id-dritt li jgħixu l-esperjenza tagħhom fl-iskejjel.
Dr Abela qal kif permezz tal-programm ta’ vaċċinazzjoni, illum għandna l-għalliema u studenti mit-tieni u t-tielet sena tas-sekondarja ‘l fuq li għandhom l-aċċess għall-vaċċin.
Qal, “Bħalissa jkunu għaddejin l-arranġamenti bejn l-awtoritajiet tal-edukazzjoni u tas-saħħa, qed nagħmlu u se nibqgħu nagħmlu dak kollu possibbli biex l-istudenti ma jitilfux iktar mill-esperjenza edukattiva tagħhom. Inkluż fl-istituzzjonijiet post sekondajri fejn naf kemm kienet diffiċli għalihom li tilfu mumenti importanti li jgħinuhom jiżviluppaw il-ħiliet, il-life skills u anke r-relazzjonijiet mal-ħbieb.”
Il-Prim Ministru semma kif matul ix-xhur tas-sajf qed isir investiment fl-iskejjel sabiex l-istudenti jkollhom l-aħjar edukazzjoni possibli.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Prim Ministru awgura li dawk l-istudenti li fl-aħħar jiem irċievew ir-riżultati u ta kelma ta’ kuraġġ lejn dawk l-istudenti li ma ġabux ir-riżultat mixtieq.
Dr Abela temm il-messaġġ tiegħu li bħall-ambjent, l-edukazzjoni hi pillastru għal dak li rridu nibnu għal futur. Semma kif bħalissa l-Gvern għaddej bit-tħejjijiet għal budget.