Hekk kif it-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika tinsab ftit jiem ’l bogħod, iċ-Ċentru tal-MFCC f’Ta’ Qali jinsab mimli attività bl-aħħar preparamenti sabiex jittella’ dan l-ispettaklu.
Waqt dawn it-tħejjijiet żar il-post il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici fejn iltaqa’ u rringrazzja lil dawk kollha li huma parti mit-tim kbir ta’ nies li ser jtellgħu dan il-festival.
Mużika Mużika, organizzat minn Festivals Malta, tnieda għall-ewwel darba fl-2021 iżda minħabba l-pandemija kellu jsir mingħajr udjenza, dan għall-kuntrarju għal din l-edizzjoni fejn mistennija tilqa’ udjenza numeruża.
Mistennija li għas-semi-finali jkun hemm wieħed u għoxrin kanzunetta, minn mija u sebgħin sottomisjoni, ilkoll bil-lingwa Maltija u li ser ikunu akkumpanjati mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta.
B’hekk l-ewwel serata, li ser issir nhar il-Ħamis 21 ta’ April, ser tkun qed tara l-għażla ta’ tnax-il finalist li jerġgħu jkantaw fis-serata finali tas-Sibt 23 t’April.
Il-Ġimgħa 22 ta’ April il-festival ser ikun qiegħed jieħu xejra differenti minn dik tas-serati l-oħra, dan għaliex il-parteċipanti mistennija jakkumpanjaw artisti stabbiliti li mhux ser jippartċipaw fl-istess festival.
Waqt iż-żjara matul il-jum tat-Tlieta, il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala stqarret ma’ dan l-istazzjon is-sodisfazzjon tal-professjonalità li biha qed jittella’ l-festival li ser jagħti ġieħ lit-talent tal-artisti kollha.
Qalet, “Naħseb għandna sodisfazzjon kbir illi l-kantanti tagħna qed intuhom pjattaforma partikolari, pjattaforma ta’ standard għolja ħafna illi huma jħossuhom li xogħolhom huwa importanti u dak li qed jagħmlu bil-lingwa Maltija hija importanti ukoll.”
Il-Ministru responsabbli mill-Arti Owen Bonnici tenna l-apprezzament tiegħu, b’mod speċjali lil dawk kollha li jaħdmu minn wara l-kwinti biex itellgħu festival ta’ dan it-tip inkluż it-tekniċi tax-xandir pubbliku li se jxandar is-serati b’mod dirett.
Bonnici għamel enfasi ukoll fuq l-importanza tal-ħolqien ta’ pjattaformi bħal dawn sabiex it-talent lokali jkompli jimraħ u jiftaħ orizzonti ġodda.
Temm jgħid ukoll li wieħed ma jridx jinsa li barra divertiment għal bosta, l-industrija tipprovdi wkoll l-għajxien għal tant artisti li qegħdin jirkupraw wara l-isfida li ġabet magħha l-pandemija.
Qal, “Mużika Mużika hija opportunità enormi għall-artisti Maltin li juru x’jafu u hija opportunià ukoll illi l-lingwa tagħna, il-lingwa Maltija li tant inħobbu nkomplu mmexxuha ‘l quddiem. L-arti hija wkoll post tax-xogħol għal ħafna nies u allura dawn it-tip ta’ festivals ikomplu jinvestu direttament fl-artisti tagħna, fil-mużiċisti u kompożituri li tant jagħmluna kburin.”
Wieħed jista’ jikseb il-biljetti għal dan l-festival minn fuq is-sit ta’ Visit Malta.