Bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti fl-MFCC f’Ta’ Qali li minn nhar it-Tnejn se jkun iċ-ċentru fejn se jsiru l-laqgħat dwar il-ġejjieni tas-Servizz Pubbliku kif ukoll laqgħat mal-klijenti tal-istess Servizz Pubbliku. Dan hekk kif mill-bieraħ bdiet is-seba’ edizzjoni tal-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku.
Fi stqarrija maħruġa mis-Segretarju Permanenti ewlieni ġie spjegat li minħabba restrizzjonijiet tas-saħħa pubblika, se jkun hemm limitu strett ta’ nies li se jkunu preżenti. Għaldaqstant intgħażlet sistema fejn fiċ-ċentru ta’ kull laqgħa, se jkun hemm attendenza b’mod virtwali li tkun tista’ ssegwi l-aħħar żviluppi iżda wkoll tikkontribwixxi għad-diskussjoni. B’hekk qed tintuża l-aħħar teknoloġija biex jitħaddmu s-sistemi adottati b’effiċjenza u biex jgħaqqdu mijiet ta’ persuni f’daqqa online biex isegwu u jieħdu sehem fil-laqgħat. Min-naħa l-oħra dawk preżenti se jitqiegħdu fi gruppi żgħar mill-bidu sal-aħħar.
Hu stmat li kuljum se jkun hemm medja ta’ bejn 150 u 300 persuna preżenti b’mod virtwali, f’kull ħin tal-laqgħat waqt din il-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku.
It-Tnejn 31 ta’ Mejju fl-MFCC se jkunu qed isiru laqgħat mal-klijenti dwar l-għajnuna lil persuni b’diżabilità, ix-xiri pubbliku u l-edukazzjoni għall-adulti. It-Tlieta 1 ta’ Ġunju, is-Segretarju Permanenti Ewlieni u l-Prim Ministru se jkunu qed jindirizzaw il-konferenza annwali bit-tema ‘Insaħħu s-Servizz Pubbliku.’ L-Erbgħa, il-Ħamis u l-Ġimgħa se jkun hemm laqgħat ta’ policies dwar it-teknoloġija, is-servizz u n-nies li jiffurmaw it-tliet prinċipji ewlenin tal-istrateġija l-ġdida.