Għaddejjin l-aħħar testijiet importanti bħala parti mill-proġett tax-shore-to-ship: proġett li se jistabbilixxi l-Port il-Kbir bħala wieħed mill-ftit portijiet madwar l-Ewropa u d-dinja li fih cruisliners ikunu jistgħu jqabbdu s-sistemi tagħhom mal-grid tal-pajjiż biex b’hekk ikunu jistgħu jitfu l-magni u jħammġu inqas l-arja.
Fil-fatt, dan il-proġett se jnaqqas b’mod drastiku t-tniġġis tal-arja fl-inħawi tal-portijiet u jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja għal eluf ta’ residenti li jgħixu fil-madwar.
Crew ta’ dan l-istazzjon żar Boiler Wharf, l-Isla, fejn bħalissa qed jiġi ffinalizzat ix-xogħol fuq wieħed mill-hekk imsejħa frequency converters.
Hemmhekk tkellimna mal-Perit Janice Borg, li hija wkoll il-Kap tat-Taqsima Marittima fi ħdan Infrastracture Malta, li spjegat l-avvanz fix-xogħlijiet f’dan il-proġett tant importanti.
“Li qed ngħidu issa hu li, fix-xhur li ġejjin, inkunu nistgħu niffinalizzaw il-proġett li qed nagħmlu bħalissa tax-shore-to-ship. Ovvjament, b’dan il-proġett se nkunu wassalna l-provvista tad-dawl fil-mollijiet tat-Tramuntana tal-Port il-Kbir, li huma Deep Water Key u Pinto, kif ukoll dan il-moll ta’ Boiler Wharf.”
Il-Perit Borg qalet ukoll li daqt jinbeda x-xogħol fuq proġett ieħor li bih se titwassal il-provvista tad-dawl fil-mollijiet fin-Nofsinhar tal-Port il-Kbir.
Ladarba, fi ftit tas-snin oħra, iż-żewġ proġetti jkunu kompluti, nistgħu ngħidu li l-Port il-Kbir, il-mollijiet prinċipali fih, ikunu kollha attrezzati biex vapuri ta’ portata ftit kbira meta jidħlu l-art, jeħlu mal-grid u jitfu l-magni tagħhom.
Min-naħa tiegħu, l-Inġinier Chris Farrugia spjegalna wkoll it-testijiet li qed isiru u l-għan aħħari warajhom.
Se jsir it-testing partikulari fuq kull biċċa tagħmir. Prinċiparjament għandna erba’ sistemi: is-sistemi tal-kontroll tas-shore supply system, it-transfomers, u l-iswitches, jiġifieri l-iswitch gear, u hemm il-frequency converters.
B’investiment ta’ €13-il miljun minn fondi Ewropej, dan il-proġett se jara li l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju fl-arja jitnaqqsu bl-istess valur ta’ 1,900 karozza fiċ-ċirkulazzjoni, tat-tħawwil ta’ 130,000 siġra, jew daqs il-kont tad-dawl ta’ 1,200 familja.