Fl-MFCC, Ta’ Qali beda jintrama l-villaġġ tal-konferenza tal-Partit Laburista li se titlaqqa’ bejn nhar il-Ġimgħa u t-Tlieta u li għaliha hu mistieden il-pubbliku ġenerali.
It-tinda f’Ta’ Qali se tilqa’ l-attivitajiet tal-Partit Laburista li jvarjaw minn diskussjonijiet għal ġbir ta’ fondi, bil-qofol jintlaħaq bir-rally ta’ nhar it-Tnejn filgħaxija.
Kollox qed isir skont il-protokolli kollha maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa, iżda fi kliem is-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista, William Lewis, din se tkun attivita mill-isbaħ anke għax hi l-ikbar mill-ħatra ta’ Robert Abela bħala mexxej.
Qal, “Kull attività se tkun skont il-protokolli meħtieġa. Jiġifieri ħa ikun hemm attivitajiet ta’ daqs differenti, kollha skont il-protokolli u ċ-ċirkostanzi maħruġa mid-dipartiment tas-saħħa. Ovvjament, imbagħad għal ikbar waħda, dik tat-Tnejn filgħaxija, ir-rally se ikun hemm erba’ entraturi.”
Kull min irid jattendi xi waħda mill-attivitajiet irid jirreġistra fuq www.partitlaburista.org jew iċempel fuq 21249900. Huwa biss min ikun irreġistra li jista’ jattendi.
Spjega, “Il-qofol jintlaħaq nhar it-Tnejn li ġej bid-diskors tal-Prim Ministru, iżda mhux biss. Qabel ħejjejna spettaklu, attività li tkun xi ħaġa sabiħa u xi ħaġa li dawk li se jkunu hawn jesperjenzaw xi ħaġa interessanti. Inħeġġeġ lil dawk li għadhom ma bbukkjawx, biex jagħmlu dan mill-iktar fis għax fadal verament ftit spazju fis-sala. Żgur li għalkemm se jkunu jistgħu jitgawdew minn fuq it-televiżjoni, l-esperjenza li se tkun hawn żgur ma għandhiex li tintilef.”
B’hekk lejliet festa pubblika u fil-jiem ta’ qabel, l-appuntament hu mal-Partit Laburista għal jiem ta’ attiviżmu politiku b’messaġġ ċar ħafna bbażat fuq il-ħtieġa li nibnu fuq il-ħafna tajjeb li għandu pajjiżna u nġeddu d-direzzjoni b’inizjattivi ġodda kull fejn meħtieġ.
Għalhekk il-messaġġ tal-Partit Laburista: INĠEDDU MALTA FLIMKIEN.