Jumejn ‘il bogħod miż-żjara tant mistennija tal-Papa Franġisku f’pajjiżna, fuq il-Fosos għaddejja ħidma li ma taqta’ xejn biex tipprepara għal ċelebrazzjoni liturġika.
Dan l-istazzjon żar il-Fosos fil-Floriana fejn seta’ jara l-ħidma ta’ kważi mija u ħamsin ħaddiem li qed jaħdmu biex jippreparaw pjattaforma għall-Papa, tinda għal orkestra u l-kor, kif ukoll diversi żoni riżervati għan-nies li ser jattendu.
Iltqajna mad-Direttur Artistiku taż-Żjara tal-Papa f’pajjiżna, Carlo Schembri, li spjega l-ħsieb wara d-diżinn tal-pjattaforma minn fejn il-Papa nhar il-Ħadd tlieta t’April se jkun qed jiċċelebra quddies qalb il-poplu Malti u Għawdxi.
Carlo Schembri tenna, “Ħadna ħsieb il-kulur, li huwa l-kulur vjola ċar għax huwa r-Randan. Għandna wkoll il-fatt illi użajna ħafna l-fawna Maltija u pjanti li qegħdin ġol-Bibbja. Allura dawn il-pjanti mhux biss huma dekorattivi imma sinnifikattivi. Għandek madwar ħames mitt siġġu trasparenti għaliex inti għandek il-kleru liebes il-vjola u huma stess ħa jkunu qishom ġnien ta’ fjuri quddiem il-papa.”
Meta mistoqsi d-Direttur Artistiku spjegalna li d-diżinn kellu jirrifletti l-fatt li l-Papa Franġisku huwa Papa tan-nies.
Huwa saħaq, “Il-Papa mhux qiegħed fil-għoli, jekk inħarsu ftit, jibda minn tliet piedi l-palk u jibqa’ tiela’ invell pero mhuwiex qiegħed palk fl-għoli. Mhux il-Papa qed inħarsu ‘l fuq lejh imma l-Papa qiegħed magħna. Dik naħseb xi ħaġa interessanti li dan huwa Papa tal-poplu, Papa li jħobb in-nies u allura jrid ikun man-nies.”
Schembri qalilna li l-preparamenti għaż-żjara tal-Papa, fil-verità bdew sentejn ilu qabel il-pandemija iżda minħabba din il-kriżi globali, dawn il-pjanijiet kellhom jintefgħu ftit fuq xkaffa.
Sentejn wara, dawn il-pjanijiet reġgħu nħarġu imma kellhom jiġu emendati.
Id-Direttur Artistiku qal, “Kellna diġà preparazzjoni pero ovvjament illum xorta nbidlu l-affarijiet, inbidlu l-esiġenzi u nbidlet ukoll saħħet il-Papa allura trid tieħu ħsieb dawk kollha. Il-preparazzjoni tieħu ħafna, ħafna, ħafna iġifieri min jaħseb li dan huwa sempliċiment disinn, le. Dan huwa proċess twil, proċess ta’ sigurtà, proċess ta’ safety, proċess ta’ estetika, proġett ta’ liturġija u wara kollox din hija quddiesa u allura rridu nirrispettaw dan kollu.”
Filfatt il-pjattaforma tal-Papa ser tinkorpora wkoll dawk l-elementi essenzjali ta’ quddies li tinkludi l-figura ta’ Ġesu Kristu msallab li ser tikkumplimenta d-diżinn.