Għaddejjin il-preparamenti biex Malta tilqa’ l-logħob tal-Ispecial Olympics. Il-logħob ser ikun qed isir f’pajjiżna bejn l-13 u t-18 ta’ Mejju.
F’business breakfast li sar fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera ngħataw id-dettalji dwar il-preparamenti li qed isiru sabiex pajjiżna jħejji għal din il-festa ta’ inklussività.
Il-President ta’ Special Olympics Malta, Dr Lydia Abela stqarret kif din l-okkażjoni sportiva ser tkun waħda li tippromovi l-għaqda.
“L-isport jagħti empowerment lill-atleti tagħna, jagħtihom ukoll fiduċja fihom infushom, grazzi għal Special Olympics Malta li taħdem matul is-sena kollha ma’ dawn l-atleti tagħna illi timlihom b’numru ta’ ħiliet u abbiltajiet u tgħinhom b’mod ħolistiku.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Sport Malta, Mark Cutajar spjega kif bħalissa għaddejjin bosta tħejjijiet sabiex pajjiżna joffri l-aqwa organizazzjoni u infrastruttura sportiva għal dan il-logħob.
Iċ-Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv, Oliver Scicluna stqarr kif din il-kompetizzjoni ser tgħin lill-atleti sabiex ikomplu jemmnu fihom infushom iżjed.
Fuq dan il-messaġġ kompla l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima li spjega permezz tal-isport qed issir id-differenza fil-ħajja tan-nies u tiġi mbuttata l-inklussività.
Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli stqarret kif illum kull min qed jaħdem sabiex dawn il-logħob isiru b’suċċess qed jikkontribwixxi fil-legat li ser ikollu pajjiżna.
F’din l-attività sar ukoll appell lil dawk kollha li jixtiequ jagħtu daqqa ta’ id b’mod volontarju fl-organizazzjoni biex jersqu ’l quddiem u jkunu parti minn dawn il-logħob internazzjonali.