Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet ma’ tliet linji tal-ajru biex jibdew joperaw minn u lejn Malta u diskussjonijiet ma’ linji oħra biex iżidu l-operat. Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis waqt li kien qed jindirizza Buisness Breakfast bit-titlu ‘Il-Futur tat-Turiżmu f’Malta’.
Dwar l-Air Malta aċċenna l-importanza li din issir kumpanija moderna u li tagħmel profitt. Xi ħaġa li tista’ ssir b’partnership strateġiku ma’ kumpanija ikbar.
Intant, il-Ministru qal li sal-aħħar ta’ din is-sena se titressaq quddiem il-Parlament leġiżlazzjoni li għandha ġġib magħha riforma fis-settur turistiku. Fi kliem Zammit Lewis, din ir-riforma għandha tindirizza fost oħrajn il-burokrazija u l-akkomodazzjoni mhux liċenjzata.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar is-suq tal-cruise liners, suq li huwa ta’ prijorità u li dwaru tħabbru żewġ inizjattivi, jiġifieri t-tieni kumpanija li se tibda topera fuq bażi ta’ homeporting fl-2017 kif ukoll network li joħloq sinerġija ikbar bejn il-Gvern u l-partijiet interessanti.