Bħalissa fil-Parlament għaddejja diskussjoni dwar riforma fil-Liġi tal-Kera, li fost oħrajn se tkun qed tistipula n-numru ta’ nies li għandu jkun hemm f’dawn ir-residenzi tal-kirjiet.
Dwar din ir-riforma, li qed imexxi ’l quddiem il-Gvern, tkellimna mal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes.
Qal, “Fost oħrajn aħna nafu wkoll li l-liġijiet f’pajjiżna jiddeterminaw diġà, sa mill-1994, kemm hu l-ammont ta’ persuni li jistgħu jiġu mikrija għalihom l-appartamenti u anke r-residenzi madwar il-pajjiż. Dan ħa jiġi stabbilit issa wkoll mal-Liġi tal-Kera biex min imur biex jirreġistra kuntratt ma jitħalliex ikun qed jirreġistra aktar persuni minn dak stipulat fil-liġi.”
Hu spjega li din ir-riforma qed issir f’kuntest meta fil-pajjiż hawn sebgħa u ħamsin elf proprjetà li huma għall-kiri.
Qal, “Aktar minn hekk ukoll qegħdin inżidu aktar faċilitar u anke tnaqqas ta’ burokrazija relatata ma’ kif tirreġistra kuntratt, speċjalment fejn ikollok inkwilin li jinbidel jew ikun irid jitlaq biex jidħol xi ħaddieħor floku, ġaladarba issa l-fenomenu fil-pajjiż ta’ aktar nies li qed jiġu jaħdmu u jkollhom bżonn il-faċilità biex huma jiċċaqilqu minn post għall-ieħor.”
Il-Ministru Galdes qal li permezz ta’ din ir-riforma qed tingħata aktar ċertezza u saħħa.
Qal, “Ikomplu nagħtu aktar ċertezza u saħħa, anke lil diversi sidien li għandhom il-proprjetà tagħhom, li qegħdin jikru wkoll u dwar il-bżonn biex huma jiddeterminaw ukoll di risperto u di vermo tal-kuntratt, sakemm inti l-persuna tkun tista’ tgħix f’dik ir-residenza partikolari.”