Ir-riġenerazzjoni li għaddejja ta’ Ġnien Indipendenza f’Birżebbuġa se tagħti ħajja ġdid lil dan l-ispazju miftuħ, b’aktar ħdura, faċilitajiet imtejba u aċċessibbilità akbar għal kulħadd.
Żaret ix-xogħlijiet li għaddejjin mill-aġenzija Project Green, il-Ministru responsabbli mill-Ambjent Miriam Dalli. Preżenti wkoll kien hemm il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green Joseph Cuschieri u s-Sindku ta’ Birżebbuġa Scott Camilleri, flimkien ma’ membri mill-Kunsill Lokali tal-lokalità.
Dan il-ġnien ta’ elf u ħames mitt metru kwadru ilu jservi bħala post ta’ divertiment u rilassament għall-komunità lokali. Madankollu, iż-żona kellha bżonn titjib u tiswijiet kbar, peress li xi strutturi tagħha kienu qed isiru mhux siguri għall-viżitaturi.
Dan il-ġnien qed jiġi rriġenerat b’rampi ġodda għal aktar aċċessibbiltà, żoni ġodda pavimentati, tined għad-dell, sistemi ġodda ta’ irrigazzjoni, siġar u arbuxelli ġodda, u titjib ieħor.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li permezz ta’ Project Green u entitajiet oħra, il-Gvern qed jimplimenta investiment bla preċedent fil-ħolqien ta’ spazji miftuħa ġodda fil-komunità, kif qed jitjiebu dawk eżistenti.
“Ġnien l-Indipendenza fil-fatt huwa wieħed mill-proġetti li bħalissa qegħdin naħdmu fuqhom u li rridu nlestu fix-xhur li ġejjin. Hawnhekk ix-xogħol għaddej issa b’ritmu mgħaġġel, kien jirrikjedi ammont ta’ pjanar ukoll, imma rajna li noħolqu post li jkun matenut tajjeb, li jkollu iktar ħdura u li jkun verament post li jista’ jattira lill-komunità ta’ Birżebbuġa lejh.”
Intqal ukoll kif Project Green għaddejja b’diversi proġetti ambjentali f’pajjiżna, fosthom it-trasformazzjoni mħabbra dan l-aħħar ta’ art li tista’ tiġi żviluppata fi spazji miftuħa ġodda għar-residenti ta’ Ħal Lija, Ħal Luqa, ta’ Ġiorni f’San Ġiljan u Ħal Kirkop.
Ix-xogħlijiet preparatorji biex jinfetħu dawn l-ispazju miftuħa għaddejjin ġmielhom.