Għaddej ġmielu x-xogħol fuq ir-roundabout junction fi Triq Gort ġewwa Paceville. Dan il-proġett huwa l-frott ta’ investiment ta’ €1,500,000 li qiegħed isir sabiex itejjeb is-sigurtà u l-aċċess f’din il-ħolqa ċentrali.
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg żar is-sit fejn għaddej dan ix-xogħol u stqarr kif l-impenn infrastrutturali ma waqafx u mhux jistenni li jieqaf sabiex isir titjib tanġibbli fil-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Il-Ministru Borg stqarr: “Infrastructure Malta Iva qiegħda tintervjeni f’dawn il-junctions importanti. Junctions li kieku ma ħtafniex l-okkażjoni anke tal-pandemija u l-fatt li allura hawn inqas attività f’dawn it-toroq. Toroq li s-soltu jkunu mballati bil-karozzi u bin-nies ma kienx ikun possibli illi isiru f’qasir żmien bħal dak ta’ tliet ġimgħat illi wasalna sabiex illum jingħata l-ewwel asphalt f’din iż-żona ta’ San Ġiljan u Paceville.
Stqarr ukoll kif bħal proġetti oħra, dan il-proġett qed iħares lejn l-effiċjenza u s-sigurtà tal-vetturi hekk kif ukoll lejn il-faċilitajiet għat-tranport pubbliku u għall-użu pedonali.
Dawn jinkludu karreġġjati aktar siguri u waqfiet aktar spazjużi għall-karozzi tal-linja biex b’hekk jiġu akkomodati aktar minn karozza tal-linja waħda. Il-passaġġi pedonali li jwasslu għall-waqfiet tal-linja nbnew mill-ġdid filwaqt li se jsir bini mill-ġdid ukoll ta’ minn fejn jaqsmu n-nies jaqsmu t-triq.