Għaddejja ġmielha l-konsultazzjoni pubblika b’rabta mal-Malta Labour Migration Policy, li tħabbret mill-Gvern ftit tal-ġimgħat ilu.
Bħala parti minn din il-konsultazzjoni, il-Ministru responsabbli mill-Intern u x-Xogħol, Byron Camilleri qed jiltaqa’ ma’ bosta stakeholders, b’reazzjonijiet qed ikunu ferm pożittivi, hekk kif din il-politika l-ġdida se ġġib bidla importanti fis-settur.
Fl-aħħar jiem il-Ministru Camilleri ltaqa’ ma’ bosta stakeholders: fosthom l-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering, l-ACE, mal-Justice and Peace Commission u l-Association for Temping and Outsourcing Agencies.
Il-Ministru Camilleri saħaq li l-messaġġ ta’ din il-politika hu li jidħlu ħaddiema minn pajjiżi terzi fejn hemm bżonn biss. Sostna wkoll li min iġib ħaddiema ġodda irid iħallas iktar, għax l-għan tal-Gvern hu li ninċentivaw l-investiment fil-ħaddiema li diġà għandna hawn u l-produttività tagħhom.
Dwar dan ONE News tkellem mal-Ministru Byron Camilleri.
“Qed niltaqgħu kemm nifilħu ma’ entitajiet, social partners, persuni li huma propjru interessati li jipparteċipaw f’din il-konsultazzjoni pubblika, qed nieħu gost li anke fil-maġġoranza assoluta ta’ dawk li qed jitkellmu anke pubblikament, qed jgħidu li qed jaqblu mad-direzzjoni politika li tajna anke bħala Gvern li nagħmlu bidla importanti radikali li wkoll li nagħtu aktar saħħa lill-awtoritajiet Maltin, sabiex jiddeċiedu għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin u allura se nkomplu nikkonsultaw proprju f’dawn il-jiem, però mbagħad tiġi l-iktar importanti, tiġi l-perjodu wara li nikkonsultaw, niddeċiedu, però mbagħad nimplimentaw ukoll.”
Il-konsultazzjoni pubblika se tibqa’ miftuħa sad-9 ta’ Frar u kull min jixtieq jgħid tiegħu jista’ jagħmel dan fuq publicconsultation.gov.mt.