Kif diġà ġie kkonfermat mill-Gvern mal-midja, il-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija, ippresedut mill-Imħallef irtirat Geoffrey Valenzia, diġà ngħata l-inkarigu li jwettaq analiżi, fid-dawl tal-qtil ta’ Nicolette Ghirxi, li seħħ fit-tnax t’Awwissu li għadda.
Dan ġie spjegat fi stqarrija mill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà llejla, b’rabta mat-talba biex issir inkjesta pubblika fil-każ tal-qtil ta’ Nicolette Ghirxi fl-appartament tagħha fis-Swatar, mill-eks sieħeb tagħha, l-Irlandiż Edward William Johnston.
Fl-istqarrija ġie spjegat kif din l-analiżi se tiskrutinizza l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-inkjesta Maġisterjali li kienet saret fi Frar li għadda, u tal-operat marbut mal-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru tal-Korp tal-Pulizija.
Dan flimkien ma’ analiżi tat-tħaddim tal-liġijiet relevanti u tal-proċeduri tal-operat fis-seħħ.