Is-swar ta’ Notre Dame u l-bieb magħruf bħala Bieb is-Sultan li nbena fl-1675 fil-Kottonera se jkunu qed jerġgħu jieħdu s-sbuħija oriġinali tagħhom b’investiment ta’ €850,000.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u Gvern Lokali, Owen Bonnici, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, żaru x-xogħol ta’ restawr li qed isir fuq dawn is-siti kulturali.
Ix-xogħol ta’ restawr fuq Bieb is-Sultan beda fl-aħħar ta’ Mejju li għadda u mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ April tal-2023, filwaqt li x-xogħol fuq is-swar u l-istrutturi anċillari beda f’Ottubru li għadda u huwa skedat li jitlesta sal-aħħar ta’ Novembru ta’ din is-sena.
Il-Perit Timothy Portelli, responsabbli għax-xogħol li qed isir f’Bieb is-Sultan, spjega ma’ ONE News li r-restawr jinkludi l-faċċati esterni tal-parti ta’ fuq tal-bieb, kif ukoll konsolidazzjoni strutturali ta’ travi interni tal-injam.
Qal, “Bħalissa għaddej ġmielu x-xogħol fuq ir-restawr ta’ Notre Dame, fuq il-parti ta’ fuq magħrufa bħala Bieb is-Sultan, bil-Malti. Bħalissa kważi għamilna biċċa xogħol kbira fir-restawr tal-faċċati esterni u bħalissa se nibdew ir-restawr u konservazzjoni tat-trophy of arms iddiżinjata fuq żmien Barokk li ddawwar il-Kottonera nnifsu.”
Skont il-Perit Daphne Fenech, li hija responsabbli għax-xogħol li qed isir fis-sur ta’ Notre Dame, il-maġġoranza tax-xogħol ta’ restawr li għaddej tul din il-medda ta’ fortifikazzjonijiet huwa ta’ natura strutturali.
Qal, “Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq in-Notre Dame Bastion li jiffurmaw parti mill-Kottonera Lines, għaddej xogħol strutturali speċjalment għax kien hawn ħafna ħsara anka ta’ żmien il-gwerra li qatt ma ġiet indirizzata. Dawn huma fażi fażi ftit ftit il-Kottonera Lines nkunu nistgħu nerġgħu ngawduhom nisperaw f’qasir żmien.”
Il-Ministru Owen Bonnici stqarr li NBiex is-Sultan huwa l-ogħla punt fiż-żona u, mis-saqaf għoli tiegħu, wieħed jista’ jgawdi veduti mill-isbaħ tal-biċċa l-kbira tal-gżira. Hu kompla jgħid li l-għan tar-restawr huwa li jiġi vvalutat il-wirt storiku taż-żona.
Stqarr, “Il-linji tal-Kottonera huma linji sbieħ ħafna. Hawnhekk qed nitkellmu dwar tmient iswar li wieħed imiss mal-ieħor u żewġ demi-bastions li għandhom valur patrimonjali straordinarju kbir ħafna, u forsi aħna l-Maltin nissottovalutaw kemm huma sbieħ dawn il-linji tal-Kottonera u aħna kburin għal dan il-wirt patrimonjali, anki fil-Kottonera, li tant hi għal qalbna.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, ħeġġet lill-Kunsilli Lokali sabiex jidentifikaw u jressqu ‘l quddiem postijiet storiċi li għandhom fil-lokalitajiet tagħhom li jirrikjedu xogħol ta’ restawr, sabiex inkomplu nippreservaw il-wirt kulturali tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Qalet, “Jien inħeġġeġ lill-kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex sabiex ikunu dejjem aktar konxji tal-bżonnijiet li jirrikjedu l-postijiet storiċi fil-komunitajiet tagħna.”
Dawn ix-x-xogħlijiet ta’ restawr qed isiru taħt id-direzzjoni tad-Direttorat tar-Restawr. Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll is-Sindku tal-Birgu, John Boxall, u s-sindku ta’ Ħaż-Żabbar, Jorge Grech.