Fl-iskola ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi għaddej xogħol ta’ manutenzjoni li se jkun lest sakemm l-istudenti jirritornaw l-iskola għas-sena skolastika li jmiss.
Apparti hekk, qed isiru preparamenti sabiex jibda xogħol ta’ manutenzjoni straordinarja bil-għan li dawn l-istudenti jkollhom skola mill-aqwa.
Dan stqarru l-Ministru Clifton Grima fid-dawl ta’ rapporti fil-midja li fihom ġie rrapportat li ma sarux xogħlijiet fuq din l-iskola.
Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Ministru għall-Edukazzjoni wieġeb hekk.
“L-iskola ta’ Ħal Qormi San Ġorġ għaddej, bħalma hu għaddej ġo skejjel oħra, xogħol ta’ manutenzjoni ġenerali. Dak ix-xogħol, le, mhuwiex il-każ, ix-xogħol ħa jkun qed jitlesta fi żmien proprju biex l-istudenti imorru lura fuq il-bankijiet tal-iskola. Issa l-iskola li qed issemmi int hija skola illi hemmhekk ħa jkun hemm investiment ta’ 6.5 miljun ewro li permezz tagħha se nagħmlu refurbishment sħiħ tal-istess skola. Tkellimna mal-istakeholders relevanti, fosthom anki l-unjins u anki l-edukaturi, fejn rajna x’inhi l-aħjar sistema li wieħed jista’ juża.”
Il-Ministru Grima spjega li fl-iskola se ssir manutenzjoni straordinarja wara konsultazzjoni ma’ dawk kollha li għandhom interess.
“L-iskola tinqasam f’żewġ areas illi huma distinti. Mela, għandek żewġ spazji li huma distinti fejn se jkollok lill-istudenti li se jkunu fi spazju partikolari, isir ix-xogħol ta’ natura straordinarja fuq il-parti l-oħra u hemmhekk, iva, se jkun hemm ix-xogħol għaddej mingħajr ma jtellef lill-istess studenti u anki aspetti ta’ sigurtà u ta’ saħħa tal-istess studenti li se jkunu qegħdin jieħdu l-lezzjonijiet tagħhom ġo parti oħra li m’għandhiex x’taqsam tal-istess skola.”
Ġaladarba jitlesta x-xogħol fuq din il-parti tal-iskola, l-istudenti se jkunu qegħdin jimxu għal din iż-żona rinnovata u jibdew xogħlijiet fuq il-parti l-oħra tal-iskola.
B’hekk jiġi evitat skariġġ żejjed li jinqala’ li kieku l-istudenti kellhom jinqalgħu għal kollox minn din l-iskola għaL tliet snin sħaħ.
Fid-dawl ta’ mistoqsijiet mill-ġurnalista tan-Net, li insistiet li x-xogħol f’din l-iskola waqaf, il-Ministru għamilha ċara li x-xogħol, filfatt, għadu se jibda.
“Ix-xogħol għadu se jibda, jiġifieri mhux kwistjoni li x-xogħol waqaf. Ix-xogħol għadu se jibda, se jibda skont il-pjanijiet tagħna, skont il-proċeduri tagħna. Aħna għandna pjanat illi, minn meta jibda x-xogħol proprju, issa fil-ġimgħat li ġejjin ikun hemm proċedura, perjodu ta’ tliet snin u fih inlestu dawk ix-xogħlijiet.”