Għaddej xogħol relatat mar-riabilitazzjoni tal-Park tal-Majjistral, fosthom ir-riabilitar tal-abitat naturali, ir-restawr ta’ bini storiku u l-promozzjoni tal-park innifsu, qal il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia.
Il-Ministeru u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) iffinanzjaw it-tneħħija ta’ madwar 6,800 tunellata ta’ materjal inert li ntrema fiż-żoni ta’ Il-Prajjet, Għajn Żnuber u x-Xagħra l-Ħamra.
Fl-istess waqt, madwar 200 tunellata ta’ speċji invażivi u aljeni tneħħew minn fuq il-post, fosthom pjanti tal-agave u l-akaċja.
Waqt żjara fuq il-post, il-Ministru spjega li l-Park tal-Majjistral jixraqlu protezzjoni mistħoqqa bħala parti min-netwerk ta’ siti ta’ Natura 2000. Dawn is-siti għandhom importanza ekoloġika b’valur għoli ta’ landscaping u li jservu ta’ spazji miftuħa għal attivitajiet rikreazzjonali u edukattivi.
Iz-żona tal-Majjistral hi medda ta’ art li tinkludi 6km ta’ kosta protetta li tifforma parti mill-istess sit Natura 2000. Din iż-żona protetta hi mmexxija mill-Heritage Parks Federation, federazzjoni magħmula minn tliet għaqdiet mhux governattivi involuti fl-immaniġġjar tal-kosta, ir-restawr kulturali u l-protezzjoni tal-ambjent. Dawn l-għaqdiet huma Din l-Art Ħelwa, Gaia Foundation u Nature Trust Malta.
Waqt laqgħa ma’ rappreżentanti minn dawn l-għaqdiet, il-Ministru qal li l-Gvern se jkun qed jagħti prijorità lill-konservazzjoni u l-immaniġġjar tad-diversità bijoloġika f’żoni bħal-Park tal-Majjistral, jirriabilitahom u jippromwovihom. “Bi prijoritajiet tajbin, b’ippjanar għaqli u b’investiment kif suppost, nistgħu noħolqu u nimmaniġġjaw dan il-pulmun aħdar f’pajjiżna. Permezz ta’ dan nistgħu nkomplu ntejbu l-benesseri ta’ kulħadd,” qal il-Ministru.
Interventi oħrajn jinkludu t-tħawwil ta’ siġar u ta’ arbuxelli indiġeni Maltin, ir-restawr ta’ lookout post, il-pubblikazzjoni ta’ kotba u attivitajiet għall-pubbliku li jinkludu ġiti, sessjonijiet ta’ informazzjoni kif ukoll open weekend.
Apparti hekk, il-Ministeru jipprovdi għajnuna finanzjarja ta’ €70,000 fis-sena għall-immaniġġjar tal-park permezz ta’ ftehim mal-Heritage Parks Federation kif ukoll €300,000 għal proġett għall-implimentazzjoni tal-pjan tal-immaniġġjar tas-siti Natura 2000. Il-park qed jirriabilita u jirriġenera numru ta’ għaram tar-ramel li jinsabu fir-Ramla tal-Mixquqa, se jiġi kontrollat ahjar l-aċċess għall-karozzi, se jiġu installati sinjali edukattivi, se jiġu organizzati attivitajiet edukattivi u tħawlu madwar 6,000 speċi indiġeni. Se jiġu rrestawrati wkoll bini storiċi. It-torri ta’ Għajn Żnuber ġie restawrat u qed isiru xogħlijiet fuq strutturi oħra, inkużi binjiet ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija.